Filmat: Jaqgħu biċċiet tal-ġebel fuq ristorant f’Marsalforn

Sid ir-ristorant Il-Kartell Diane Falzon qalet li ħadd ma ġie jwaqqaf ħaddiema fuq sit ta’ kostruzzjoni li kienu qed iwaqqgħu xi ġebel fuq ristorant fil-promenade ta’ Marsalforn.

Falzon bagħtet dan il-filmat lil Newsbook.com.mt u qalet li sar rapport mal-Pulizija dwar il-każ. Spjegat li l-każ seħħ f’nofs Marsalforn fi Triq Santa Marija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Mark Grech qal ma’ Newsbook.com.mt li l-OHSA ma tagħtix informazzjoni dwar każijiet li jkunu qed jiġu jew li jistgħu jkunu investigati minnha.

“F’dan il-każ, u peress li dan l-ilment wasal għand il-mezzi tal-midja, l-OHSA tikkonferma li daħal rapport għall-ħabta tal-11.30 am, li mill-ewwel beda jkun investigat. Għandu jkun enfasiiżat li l-OHSA fl-ebda ħin ma ppubliċiżżat id-data ta’ meta ser issir spezzjoni. Din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lill-midja mill-istess persuna li għamlet ir-rapport.”

Skont it-Times of Malta, se ssir spezzjoni tal-post għada.

Filmat: Diane Falzon

Rajt xi ħaġa li taħseb li hija llegali? Ibgħat imejl fuq info@newsbook.com.mt