Filmat: ‘Jaqbdek id-daħk tara l-vetturi mar-roundabouts’

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq Pierre Vella qal li jaqbadhom id-daħk x’ħin isegwu l-movimenti tal-vetturi mar-roundabouts.

Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK103 FM Vella qal li b’dik l-istqarrija mhux qed jirreferi għal trakkijiet kbar b’containers imma għal karozzi li jarhom jaqsmu b’mod orizzontali fir-roundabouts qishom il-lanes ma jeżistux.

Vella spjega li meta wieħed ikollu roundabout b’żewġ karreġġati, dik tan-naħa tal-bankina (tax-xellug) tintuża’ meta wieħed se jkun qed joħroġ mill-ewwel triq li jkun hemm. Il-karreġġata tax-xelluga għandha tintuża’ wkoll meta wieħed ikun se jgħaddi bi dritt. Vella mbagħad tkellem speċifikament dwar ir-roundabout ta’ Ħal Qormi li tinsab f’tarf Triq l-Imdina. Irrimarka li min ikun ġej minn Ħaż-Żebbuġ u minn Ħal Qormi bi ħsieb li jmur lejn l-ajruport, irid jgħaddi minn karreġġata waħda.

Bollards tal-ħadid perikolużi – Vella

Vella tkellem ukoll dwar il-bollards li jkun hemm fit-toroq. Qal li xi kultant dawn isiru biex jipprevjenu lin-nies jsuqu fejn mhux suppost. Dan speċjalment meta jkun hemm sinjal abjad kontinwu. Vella qal li ma jaqbilx ma’ bollards li jkunu tal-ħadid minħabba l-periklu li jġibu magħhom. L-alternattiva hi li dawn ikunu tal-plastic. Spjega li wieħed irid jiddetermina x’tip ta’ bollards ikun hemm bżonn.

Il-fast lane teżisti?

Vella qal li l-kunċett tal-fast lane bdiet l-Ingilterra però ma jafx jekk qatt daħlitx fis-seħħ f’Malta. Spjega li fit-triq ikun hemm veloċità massima. Jekk wieħed ikun irid jaqla’ karozza oħra, irid imur fil-karreġġata tal-lemin u wara li jkun qabeż il-karozza ta’ quddiemu jerġa’ jidħol fil-karreġġata tax-xellug.

Fi kliem Vella, meta wieħed isuq fil-karreġġata tal-lemin (ta’ barra) u ma jkun hemm ħadd fil-karreġġata tax-xellug, uffiċjal tal-pulizija jista’ jwaqqaf lil dak li jkun u jtih ċitazzjoni. Qal li fl-Ingilterra daħlet liġi dwar dan il-kunċett.

Dwar ix-xogħlijiet fit-toroq, Vella qal li xogħol ippjanat li jkun maġġuri jkun jinvolvi lil Infrastructure Malta li tavża lill-awtoritajiet konċernati dwaru. Qal ukoll li l-kuntrattur ikollu ċertu obbligazzjonijiet. Fakkar li l-veloċità massima li tista’ tinstaq biha fi triq li fiha jkun għaddejj ix-xogħol hija ta’ 30 kilometru fis-siegħa.

Vella qal li bejn wieħed u ieħor ikun hemm madwar 500 sewwieq ġdid kull xahar f’Malta. Żied jgħid li wieħed irid iqis ukoll iċ-ċokon ta’ Malta. Faħħar il-mudell li jintuża’ f’Singapore.

Fl-2017, il-BBC kien irrapporta li Singapore kien se jwaqqafin-numru ta’ karozzi li jista’ jkun hemm fit-toroq. Dan il-pajjiż żgħir li għandu densità tal-popolazzjoni għolja għandu politiċi stretti li għandhom l-għan inaqqsu n-numru ta’ karozzi fit-toroq. Ir-rata ta’ persuni li għandhom karozza f’Singapore hija ferm inqas minn dik ta’ pajjiżi sinjuri oħra. Apparti minn hekk, Singapore għandha sistema li tgħolli l-ispiża għas-sidien tal-karozzi. Dan ukoll bl-għan li jonqos in-numru ta’ karozzi.

Singapore għandha waħda mill-aqwa sistemi ta’ trasport meta mqabbel ma’ 24 belt ewlenin fid-dinja skont rapport mid-ditta ta’ konsultazzjoni McKinsey.

Tista’ tisma’ l-programm sħiħ minn hawn.