Filmat: Jaqa’ saqaf ta’ knisja f’Ruma

Is-saqaf tal-knisja ta’ San Giuseppe dei Falegnami li tinsab fiċ-ċentru ta’ Ruma propju fiż-żona tal-Foro Romano waqa’ lbieraħ waranofsinhar.

Ftit qabel it-3pm ta’ waranofsinhar, f’waħda miż-żoni li l-aktar turistiċi fiċ-ċentru ta’ Ruma nstema ħoss kbir. Il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili Talajni qalu li s-saqaf ċeda u ħalla ħerba fil-kappella. Din il-kappella tintuża ħafna għat-tiġijiet peress li tinsab fil-qalba taċ-ċentru storiku ta’ Ruma.

Ir-rettur tal-knisja Fr. Daniele Libanori SJ li huwa wkoll Isqof Awżiljarju ta’ Ruma kien kwoatat jgħid li lanqas laħaq fetaħ il-bieb li ma jarax jaslu lill-Pulizija, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-ambulanza. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kolla tal-ħidma tagħhom.

Minkejja li ħadd ma kien irrappurtat nieqes, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ġabu l-klieb tax-xamm biex ifittxu għal persuni u jiżguraw li ħadd ma ndarab fit-terrapien.

Il-knisja hija mibnija fuq ħabs antik (dungeon) mibni aktar minn elfejn sena ilu li ospita fih lil San Pawl u aktarx anki lil San Pietru. Sal-ġurnata tal-lum, it-turisti jżuru dan il-post li ospita liż-żewġ Appostli.