Aġġornata (2): Jappella lill-PM jgħid min iffirma għall-esproprijazzjoni ta’ Strada Żekka

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Prim Ministru biex jgħid min iffirma biex saret l-esproprijazzjoni ta’ Strada Żekka.
Il-kelliem tal-PN għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi, qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet ftit metri biss ‘il bogħod mill-art li ngħatat mill-Gvern f’Ħal Qormi, fl-inħawi ta’ ħdejn iż-żona industrijali tal-Ħandaq.
Spjega d-dettalji tal-proprjetajiet li ngħataw fiż-żona ta’ Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Żied jgħid li f’din iż-żona biss ingħataw tliet proprjetajiet, li filwaqt li tnejn minnhom imissu ma’ xulxin, l-oħrajn huma viċin ħafna.
Jason Azzopardi qal li ż-żewġ proprjetajiet ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Ħal Mula, għandhom aktar minn 25,000 metru kwardru. Sostna li filwaqt li l-istima tal-Gvern għal dawn l-artijiet kienet ta’ €375,000, il-periti indipendenti taw valur ta’ €815,000.  Spjega li ma’ din il-proprjetà hemm ukoll shooting range.
Indirizzat il-konferenza wkoll il-Kelliema tal-PN għall-Ambjent Marthese Portelli, li spjegat kif hu evidenti li l-artijiet kollha nvoluti fl-iskandlu ġew magħżula, u ma ngħatawx b’kumbinazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Ippjanar Ryan Callus sfida lill-Prim Ministru biex jgħid minnufih min hu dak il-politiku li ffirma biex sar dan il-ftehim jinten seba’ pesti.
Filmati: PN

Reazzjoni Gvern
Il-Gvern qal li kif isir dejjem, il-parir tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern dwar l-akkwist ta’ proprjetà fi Triq Zekka għadda għand is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar biex jiffirmah wara li tkun saret il-valutazzjoni mill-periti.
Dawn il-periti ħadmu bl-aktar mod liberu u mingħajr ebda indħil ta’ xejn, skont proċeduri stabbiliti.
Fid-dokument li ffirma, is-Segretarju Parlamentari għamilha ċara li d-Dipartiment tal-Proprjetà għandu jipproċedi biss jekk kollox jimxi b’konformità totali mal-liġi.
Is-Segretarjat Parlamentari jilqa’ miftuħ għall-iskrutinju tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u tal-Internal Audit and Investigations Department, li l-investigazzjoni tiegħu se tiġi ppublikata bi trasparenza assoluta.

Reazzjoni Partit Laburista
Simon Busuttil u l-Partit tiegħu kull darba li jkun hemm xi ħaġa li ma togħġobhomx, jinfexxu f’attakki bl-addoċċ, anke jekk ikunu huma stess li staqsew u jingħataw tweġiba.
Wara li l-Gvern spjega li kif inhi l-prassi kienu l-Periti tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern li vvalutaw il-propjetà fi Triq Zekka, l-istess periti li kellhom il-fiduċja ta’ Gvern Nazzjonalista preċedenti, għal darba oħra l-Oppożizzjoni għażlet li tattakka.