Filmat: Jaħdmu għal festi oħra biex jixtru l-materjal għal tagħhom

Matul il-ġimgħa li ġejja ħafna ħaddiema joħorġu bis-shut down ta’ Santa Marija, iżda l-voluntiera li jaħdmu n-nar għall-festa tal-Assunta, jaħdmu bla waqfien biex lejliet u nhar Santa Marija jixgħelu s-sema bil-kuluri tal-murtali.
Newsbook.com.mt żar il-kamra tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi fejn diversi voluntiera kienu qed jippreparaw l-aħħar xogħol għall-ġimgħa tal-festa.
Anġlu Azzopardi, li ilu għal dawn l-aħħar erbgħin sena jaħdem in-nar, qal li hu u sħabu mhux biss ma jitħallsux għax-xogħol li jagħmlu, iżda b’xogħlhom stess iridu jixtru l-materjal.
Spjega li biex ikunu jistgħu jtellgħu ħarqa tajba fiż-żmien il-festa tagħhom, ikollhom jaħdmu s-sena kollha biex ibigħu x-xogħol għal festi oħra li m’għandhomx kmamar tan-nar.
Għalhekk Anġlu spjega li hu u sħabu jkollhom jagħmlu ħin twil ‘il bogħod mid-dar biex ikunu jistgħu jaħdmu. Kompla li trid tiġi mill-persuna biex joħolqu bilanċ bejn id-delizzju u l-familja.
Anġlu qal ukoll li għalkemm ġieli saru inċidenti, anke fl-istess kamra tan-nar, id-delizzju jkun fik u għalhekk xorta jibqa' jaħdem. Żied li wieħed irid jagħmel minn kollox biex jaħdem bil-galbu.
Minkejja l-ħidma bla waqfien, il-ħaddiema kollha qalu li meta jaraw il-ħarqa, ikunu wisq sodisfatti.