Filmat: Il-Kumitat tal-Etika tal-PN jistudja l-allegazzjonijiet dwar Delia

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ta jumejn ċans lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-partit, biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-kandidatura ta’ Adrian Delia għall-Kap tal-PN.
Fl-aħħar jiem, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li Delia għandu jew kellu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu, kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho. Hija allegat li dan il-kont huwa f’isem Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Adrian Delia ċaħad kull akkuża u fetaħ tliet libelli kontra l-ġurnalista. Delia qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista spjega li dan wara li l-Kumitat, imwaqqaf skont dak li jipprovdi l-istatut tal-partit, ikun sema’ lil dawk il-persuni li jkun jidhirlu xierqa fiċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari imma mhux biss, lil Dr Delia nnifsu.
Il-PN qal li l-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li l-kontroversja li nqalgħet hi ta’ natura serja fil-kuntest ta’ elezzjoni għall-ogħla kariga fil-PN.
Waqt l-istess laqgħa Dr Louis Galea ġie maħtur bħala Ċermen, filwaqt li Dr Joseph Cassar (Eks President tal-Kunsill Amministrattiv), il-Prof. Maryanne Lauri u Franz Wirth inħatru bħala membri tal-Kumitat.
Il-President tal-Kunsill Amministrattiv Dr Karol Aquilina huwa membru ex officio tal-Kumitat.
Aktar kmieni, hu u jindirizza lill-midja u lill-partitarji tiegħu quddiem id-Dar Ċentrali, Adrian Delia qal li ħadd ma qallu biex jirtira l-kandidatura tiegħu.
Dan waqt li l-Kunsill Amministrattiv tal-PN kien qed jiltaqa’ wara li ntalab jikkonsidra l-kontroversja li nqalgħet dwar il-kandidatura tiegħu.
Dr Delia qal li la l-Kap tal-PN Simon Busuttil u anqas uffiċjali oħra m’għandhom jedd li jgħidulu biex jirriżenja. Saħaq li hija l-Kummissjoni Elettorali li tista’ titolbu jagħmel dan. Żied jgħid li jekk titolbu jirtira, huwa jagħmel dan bi trankwilità u serenità.
Qal li ħadd mhu ikbar mill-Partit u stqarr li t-tellieqa għall-kap tal-PN mhix ta’ poter iżda biex il-PN ikun il-veru partit tan-Nazzjonalisti. Saħaq li l-għadu vera tal-PN huwa l-Partit l-ieħor.
Temm jgħid li jekk ma jkunx elett huwa xorta jagħti l-kontribut tiegħu iżda b’kundizzjoni li l-PN ma jinħatafx.

Għadd ta’ nies inġabru quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN minkejja li ma’ Newsbook.com.mt  kelliem għat-tim ta’ Adrian Delia ċaħad li partitarji ta’ Dr Delia kienu se jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali llejla. 
Qabel daħal għall-programm fuq Net TV qal mal-ġurnalisti li hu ma kienx imsejjaħ biex jattendi għal din il-laqgħa. Aktar kmieni kelliem għall-PN qal ma’ Newsbook.com.mt li ebda mill-kandidati għall-Kap tal-PN mhuma se jattendu għal din il-laqgħa.
Għal din il-laqgħa qed jattendi l-Kap tal-PN Simon Busuttil.