Filmat: Jagħtu d-demm wara l-mewt ta’ 3 kollegi

Il-mewt ta’ tliet uffiċjali tal-pulizija s-sena li għaddiet wasslet biex bejn ilbieraħ u llum madwar 150 uffiċjal mill-Korp tal-Pulizija qed imorru fiċ-ċentri tal-għoti tad-demm f’Malta u Għawdex biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, il-Maġġur Wilfred Imbroll, li kien il-moħħ wara din l-inizjattiva, qal li dawn il-kollegi tiegħu mietu fi żmien erba’ xhur u li meta kienu jissieltu mal-mewt, tnejn minnhom kellhom bżonn ħafna demm.

Il-Maġġur Imbroll, li ilu jagħti d-demm għal dawn l-aħħar seba’ snin spjega kif permezz ta’ din l-attività, il-Korp qed ifakkar il-memorja tagħhom.

Qed jgħaddi wkoll il-messaġġ li ‘wara l-uniformi hemm qalb u l-qalb biex tħaddimha trid id-demm’.

Fost dawk li taw id-demm għall-ewwel darba f'dawn il-jumejn, kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija li qal li se jibda jagħti donazzjonijiet b'mod regolari.

Min-naħa tiegħu, Tony Micallef, l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi għaċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm qal li permezz ta’ din l-inizjattiva l-Maġġur irnexxielu joħroġ il-ward mix-xewk.

Spjega kif din l-inizjattiva kellha konkorrenza tajba li ddeskriva bħala ‘injezzjoni oħra qawwija fil-pompa li għandna bżonn’.

Biex jilħaq mad-domanda, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm għandu bżonn ta’ 50 borża demm kuljum.

Tony Micallef qal li l-pulizija f’Għawdex kif ukoll il-pubbliku ġenerali li ma laħqux jagħtu d-donazzjoni tagħhom, jistgħu jmorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar il-Ħadd li ġej bejn it-8.30 am u s-1pm.