Filmat: “Jagħmlu abort għal xi ħaġa li ma jafux” – Omm ta’ tarbija Down

Michelle Spiteri, omm Francesca, tifla ta’ sentejn bid-Down Syndrome tgħid li persuni li jirrikorru għall-abort, biex ma jwelldux tfal b’diżabilità, ikunu qed jieħu d-deċiżjoni fuq dak li ma jafux.
Waqt il-programm Follow-up fuq RTK Michelle tgħid li mhux faċli għal omm li qed tistenna tarbija li jmur fuqha t-tabib u jagħtiha lista ta’ kundizzjonijiet li x’aktarx se jkollu binha jew bintha la titwieled.
Michelle saħqet li ħafna minn dawn il-kundizzjonijiet jew riskji ma jseħħux. Kompliet tgħid li ħafna mill-kundizzjonijiet li jitkellmu dwarhom it-tobba, meta jindunaw li tarbija se titwieled b’diżabilità, jistgħu jseħħu lil kwalunkwe tifel jew tifla oħra, anke jekk mhux malli jitwieldu.
“Inti tkun qed tiddeċiedi li qed tagħmel abort għal xi ħaġa li ma tafx u dik lili tbeżżani ħafna,” saħqet Michelle.
“It-tabib taha lista tal-affarijiet li oħti ma kinitx se tagħmel” – Fr Reuben
Taħt il-filmat live li xandar il-programm, kiteb Fr Reuben Gauci fejn irrakkonta li esperjenza simili li għaddiet minnha ommu meta welldet lill-oħtu bid-Down Syndrome.
Spjega kif wara li ommu welldet lill-oħtu, it-tabib ta lista ta’ affarijiet li fi kliemu ma kinitx se tkun kapaċi tagħmel fosthom li ma timxix u ma tiekolx
“Kien insensittiv ħafna,” saħaq Fr Reuben.
“Francesca hija Down imma ma għandha xejn down”
Michelle Spiteri kompliet tappella lil dawk il-ġenituri li għadhom kemm kellhom tfal bid-down syndrome u oħrajn li se jkollhom, li ħajjithom se tibqa’ sejra normali.
“Se jkollkom xi ħaġa sabiħa ħafna,” saħqet Michelle. B’daħka fil-bidu tal-programm Michelle qalet li Francesca hija down, imma ma għandha xejn down.
Illum Francesca, bħal kull tifla oħra, tmur l-iskola iżda qabel dawn, bħal kull tarbija oħra għaddiet minn passi oħra, l-ewwel pass, l-ewwel sinna u l-ewwel kelma.
Michelle spjegat li dejjem ikun hemm xi ftit tal-biża’, bħalma jkollha kull omm, imma fl-aħħar mill-aħħar trid tieħu l-ħajja pass pass.
“It-tfulija tat-tfal mhux tiġrija,” saħqet Michelle. “Jekk wara sena ma bdietx timxi jien ma bdejtx nippanikja….waslet, imxiet u llum waslet biex tiġri wkoll.”
Kompliet tgħid li Francesca għalmitha tkun aktar paċenzjuża. “Għalmitni nżomm pass lura għax naf li se tasal tagħmel dak li trid.”
“In-norma hija ta’ kulħadd differenti”
Michelle ma tużax il-kelma mhux normali, għat-tfal bid-Down Syndrome, iżda l-kelma tipiċi. Tisħaq li Francesca hija normali, minkejja li fiżikament hemm xi ftit differenza.
“In-norma hija ta’ kulħadd differenti,” saħqet Michelle.
X’servizzi toffri l-Inspire u x’diffikultajiet issib?
Preżenti għall-intervista minn Fr Joe Borg, kien hemm ukoll Rosette Gatt mill-Fondazzjoni Inspire li tkellmet dwar is-servizzi offruti.
L-Inspire toffri numru ta’ servizzi għalkemm tkellmet dwar xi diffikultajiet li l-Fondazzjoni tiltaqa’ magħhom anke meta l-għajnuna mill-Gvern ikollha tinqasam ma’ għaqdiet oħra li joffru servizzi simili.
Fost oħrajn il-Gvern bħalissa qed joffri s-servizz ta’ early intervention u għalhekk is-sussidju mogħti lill-Inspire waqaf tant li l-Inspire ma setgħetx tkompli b’dan is-servizz kif bdietu hi. L-Inspire tgħin lill-Gvern bit-taħriġ u l-pariri.
Il-Fondazzjoni toffri wkoll servizz għall-ġenituri li għandhom it-tfal ibatu mill-awtiżmu fejn anke l-Gvern jgħin u jibgħat in-nies.
Hemm programm ieħor għall-adulti li għalissa għad ma hemmx fond għalih.
Min-naħa tagħha, Michelle Spiteri qalet li dawn is-servizzi huma importanti ħafna għat-tfal.
Minkejja dan semmiet il-problema taċ-Child Development Assessment Unit, li jinsab fl-Isptar San Luqa, u li wħud mis-servizzi mhux offruti filgħaxija u għalhekk ġenituri li jaħdmu ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz.