Filmat: Iżejjen it-triq biex iferraħ lill-ġirien

Resident il-Qawra żejjen it-triq fejn joqgħod sabiex iferraħ lill-ġirien f’dan iż-żmien tal- pandemija tal-coronavirus.

Mark Gatt, ġar ta’ Paul Sammut li żejjen it-triq, faħħar dan il-ġest sabiħ ta’ Paul u qal li b’xi ħaġa żgħira, huwa rnexxielu joħloq atmosfera ta’ ottimiżmu, speċjalment għal dawk li qegħdin isegwu l-kwarantina obbligatorja.

Mark qal lil Newsbook.com.mt, “Jaf għandna triq kważi vojta, imma grazzi għas-Sur Sammut għandna qawsalla li tfakkarna li biex toħroġ ix-xemx, irridu nistennew din il-maltempata tgħaddi.”

Paul Sammut qiegħed jippjana party fil-gallariji għas-Sibt li ġej ukoll.

Din it-triq fil-Qawra mhijiex l-unika waħda b’atmosfera ferrieħa fi żminijiet hekk inkwetanti, għaliex il-Beltin, xi ġimgħat ilu wkoll kellhom party fil-gallariji tagħhom. Huma bdew idoqqu l-mużika u jiċċelebraw flimkien minn gallarija għal oħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn