Filmat: “Ix-xena tal-mużika waqfet ħesrem minħabba l-pandemija tal-Covid 19” – Konrad Pulè

Konrad, David, Michael u Axel tal-grupp Scar għadhom kif ħarġu l-kanzunetta ġdida tagħhom Never Enough. Din il-kanzunetta għandha l-ħoss li Scar huwa tant magħruf għalih u fiha melodija li mal-ewwel korda tal-kitarra iġġiegħlek tħossok tajjeb u pożittiv.

Scar ħallew il-marka tagħhom fix-xena tal-mużika lokali fi żmien l-elfejniet u s-sena l-oħra rritornaw wara waqfa qasira bil-kanzunetta By the Way li għamlet suċċess fuq ir-radji lokali kif ukoll l-vidjow mużikali rawh iktar minn 47,000 persuna fuq youtube. Ir-ritorn ġie milqugħ tajjeb mis-segwaċi ta’ qabel kif ukoll mal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ semmiegħa li jsegwu l-artisti lokali.

L-2019 kienet sena tajba għal Scar fejn kienu s-supporting act tal-grupp poplari Ingliż James kif ukoll kienu parti mill-lista ta’ artisti fil-Farsons Beer Festival.

Il-vidjow mużikali li għadu kif ġie mniedi flimkien mas-silta kien maħluq minn Duane Laus ta’ Lava Graphics, isem sinonimu ma’ dawn it-tip ta’ lyric videos.

Il-kantant tal-grupp Konrad Pulè ikkummenta li ‘’Ix-xena tal-mużika madwar id-dinja waqfet ħesrem minħabba l-pandemija tal-Covid 19 u l-pjanijiet tagħna għall-2020 inqelbu ta’ taħt fuq. Iddeċidejna li nniedu Never Enough issa għaliex hija kanzunetta b’messaġġ pożittiv u nemmnu li dik hija xi ħaġa li għandna bżonn bħalissa’’

Jaf ikun hemm xi ftit dewmien sakemm kollox jerġa’ lura għan normal fix-xena tal-mużika lokali speċjalment fejn jidħlu kunċerti u avvenimenti iżda li nafu biċ-ċert huwa li Scar se jkunu lura fuq il-palk bi prestazzjonijiet fiż-żmien qarib.