Filmat: Ix-xarabank l-antika b’kunċett sostenibbli

Ix-xarabank l-antika se terġa’ ddur it-toroq Maltin iżda din id-darba mhix se tħalli duħħan għax se tkun taħdem bl-elettriku.

Il-kunċett ġie propost mill-Perit Jonathan Mizzi u Mizzi Studio u bbażat fuq disinn innovattiv għal flotta elettrika ta’ karozzi tal-linja, liema disinn jinkorpora diversi karatteristiċi partikolari li kienu assoċjati mal-karozzi tal-linja tradizzjonali li konna naraw fuq it-toroq Maltin.

Il-ħsieb wara dan il-kunċett huwa li jżewweġ il-kultura u t-tradizzjoni mal-progress u s-sostennibilità, b’mod partikolari fil-mod ta’ kif niċċaqalqu.

Fil-11 ta’ Ottubru fi Pjazza Tritoni, il-post fejn kienet il-venda tal-linja, il-kumpanija se tkun qed tvara esebizzjoni pubblika tal-kunċett ‘Malta Bus Reborn’ permezz ta’ għajnuna mill-Gvern permezz tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Il-kunċett kien tħabbar għall-ewwel darba fl-1 ta’ April ta’ din is-sena u kien qanqal diskussjoni b’risposta pożittiva minn ħafna nies.

Il-Ministeru nieda wkoll paġna informattiva ġdida fuq il-midja soċjali bl-isem ‘Move’.