Filmat: Iweġġa’ serjament ir-raġel li waqa’ quddiem il-monument

Ir-raġel li kkonfronta attivisti quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir tal-Belt Valletta weġġa’ b’mod serju skont il-Pulizija.

Wara tliet xhur ta’ restawr, il-Monument tal-Assedju l-Kbir jista’ jitgawda mill-ġdid mill-pubbliku hekk kif il-ħidma tlestiet u nkixef dalgħodu. Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien qed jintuża’ wkoll bħala mafkar għaliha minn numru ta’ attivisti.

Illum anzjan li kkonfronta attivisti quddiem il-monument weġġa’ meta waqa’ fi Triq ir-Repubblika. Newsbook.com.mt wasal fuq il-post ftit tal-minuti wara li ġara l-inċident. Sorsi spjegaw kif ir-raġel kien aggressiv mal-attivisti li marru jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat. L-avukat Andrew Borg Cardona instema’ jgħid lir-raġel sabiex ma jmissx lill-attivisti. Intant ir-raġel jidher jibżoq lill-istess attivisti u jxejjer idejh lejn il-kamera tagħhom.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-3.45 pm ġiet infurmata li kien hemm persuna midruba fi Triq ir-Repubblika. Qalet li minn “stħarriġ preliminari” irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 81 sena u ieħor ta’ 73 sena mill-Belt kellhom argument ma’ xi persuni. Il-Pulizija qalet li “allegatament ir-raġel ta’ 81 sena sofra xi ġrieħi meta waqa’ mal-art”. Skont il-Pulizija ambulanza ħadet lir-raġel l-isptar fejn aktar tard “ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.” Temmet tgħid li l-investigazzjonijiet tagħha għadhom għaddejjin.

Skont ġurnalist tat-Times of Malta li kien fuq il-post qabel ma seħħ l-inċident, l-anzjan ipprova jaħtaf wieħed mill-attivisti iżda bil-manuvra tiegħu waqa’ u ħabat rasu. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Il-Membru Parlamentari Laburista Silvio Parnis instema’ jgħid lill-pulizija li l-anzjan ġie imbuttat mill-attivisti. Din il-verżjoni tikkuntrasta ma’ dak li qalu l-attivisti qabel.