Filmat: “Iva jiena għami imma saqajja jaħdmu sewwa” – Samuel

Samuel Farrugia, li llum għandu 14-il sena, irrimarka li l-fatt li hu għami ma jfissirx li saqajh ma jaħdmux.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Samuel spjega li hu ilu kompletament għami minn meta kellu tmien snin. Spjega li kif ħafna jafu, hu nstablu kanċer meta għalaq sentejn li wasslu biex jitlef għajnu tax-xellug. Qal li meta mbagħad għalaq tmien snin, tilef id-dawl f’għajnu l-leminija wkoll. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, beda jgħix ħajtu kompletament għami.

Sapport minn sħabu studenti?

Dwar kemm isib sapport minn sħabu l-istudenti, Samuel spjega li ġieli iva u ġieli le. Qal li hu jifhem li l-għan aħħari ta’ kulħadd huwa li jipprova jgħin, imma jkun hemm aspetti fejn wieħed jaħseb li jkun qed jgħin imma fil-fatt ma jkunx. Irrimarka li wħud minn sħabu huma brillanti u dejjem isibhom hemm għalih, iżda mbagħad hemm dawk li jittrattawh b’mod differenti għas-sempliċi fatt li hu ma jarax.

Hu tkellem dwar ċertu ċirkustanzi bħal per eżempju meta jkun qed javviċina xi taraġ u jisma’ lil min jgħidlu “ar’hemm it-taraġ hemm, tersaqx ‘l hemm għax se tweġġa’”. Qal li hemm bħal qisu jibda jgħid “isma, jien għami mhux stupidu”. Minkejja dan insista li hu qatt ma ltaqa’ ma’ xi ħadd li kien kattiv miegħu jew li forsi pprova jweġġgħu.

Irrimarka li xi persuni bħal qishom jibżgħu jkellmuh jew jikkonfrontawh b’xi mod għax ma jarax. Spjega li ġieli kien hemm min ammetta miegħu li l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu bħal beża’ jitkellem għax ma xtaqx li juża kliem li forsi seta’ kienu ikun offensivi. Spjega li hawn jinnota kif meta n-nies jibdew jinkwetaw hekk, jispiċċaw jitkellmu b’diskors agħar milli jkunu qed jaħsbu. “Jiena bniedem normali u l-unika ħaġa differenti li għandi hija li ma narax,” insista Samuel.

“Hemm min forsi jibża’ li se naqa’ t-taraġ, jew li se naqa’ l-bankina. Hemm min bħal qisu jaħseb li m’għandix saqajn,” irrimarka Samuel. Qal li dan imur lura għall-fatt li m’hawnx taħriġ dwar persuni b’diżabilità jew persuni neqsin mid-dawl.

It-teatru esperjenza ġdid li jixtieq jibdel f’karriera

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, Samuel spjega dwar l-esperjenza tiegħu fit-teatru fejn tidħol Panto in the Dark. Hu sostna li tant kienet esperjenza pożittiva li jara lilu nniffsu jsir attur jew jikteb skripts fil-futur.

Għal dawk li forsi qatt ma attendew jew semgħu b’dan it-tip ta’ teatru, il-Panto in the Dark hija pantomima li ssir f’sala kompletament fid-dlam. L-udjenza tisma’ l-pantomima permezz ta’ headphones. Sostna li għalih l-esperjenza kienet waħda lluminanti. Qal li hu qatt m’għaddietlu minn moħħu li pantomima setgħet tkun trażmessa b’mod daqshekk tajjeb lil udjenza “għamja”.

“Jekk ikolli niddeskrivi l-esperjenza li naħdem mat-tim ta’ Panto in the Dark, it-tim niddeskrivih bħala “refreshing”. Kienet l-ewwel darba f’ħajti li stajt ngħid li kont qed naħdem ma’ persuni li jirrispettawni għat-talent li għandi. Dawn ma qadux iħarsu lejn id-diżabilità tiegħi, imma raw lili bħala persuna. Nista’ ngħid li kienet esperjenza sabiħa ħafna,” insista Samuel.

“Irridu nkunu aħna li nibdlu l-perċezzjoni dwarna fil-pubbliku”

Samuel tkellem ukoll dwar x’jaħseb li għandu jagħmel il-pubbliku biex jara li jitratta lil kulħadd b’mod normali, anke persuni b’diżabilità. Hu sostna li l-aħjar mod kif il-pubbliku jkun edukat dwar dan huwa billi l-persuni neqsin bid-dawl u dawk b’diżabilitajiet oħrajn joħorġu u juru li huma normali.

“Irridu nkunu aħna li nibdlu l-perċezzjoni dwarna fil-pubbliku. Irridu nuru lil kulħadd li aħna għandna l-istess kapaċitajiet, anke jekk għandna ċertu fatturi neqsin. Kulħadd għandu xi ħaġa differenti, anke jekk mhux xi ħaġa fiżika,” irrimarka Samuel. Sostna li dan huwa proċess twil u diffiċli, imma jekk kulħadd jaħdem għal dan il-għan, maż-żmien issir xi ħaġa stabbilità.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Samuel huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Dwar kif iħossu li ntagħżel biex ikun parti mill-proġett tas-CRPD, Samuel qal li ħassu onorat, kburi u sodisfatt li ntagħżel. Irrimarka li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif wieħed jista’ jeduka lill-pubbliku biex iħares lejn persuni b’diżabilità b’mod aħjar u aktar pożittiv.

Hu tkellem ukoll dwar xi jfisser għalih it-titlu tal-proġett, “Different is Normal” u qal li fatt tal-ħajja huwa li kull persuna hija differenti. Sostna li n-normalità hija xi ħaġa vaga ħafna għax li huwa normali għal xi ħadd, jaf mhux normali għal xi ħaddieħor. Qal li hemm bżonn li l-pubbliku jibda billi meta jħares lejn persuna jara verament il-persuna u ma jeħilx fuq il-limitazzjonijiet tagħha.

Tista’ tara l-intervista sħiħa hawn taħt:

Muntaġġ: Miguela Xuereb