Filmat: Itir l-aktar rokit b’saħħtu fid-dinja

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=bCc16uozHVE?start=1257]
L-intraprenditur mill-Istati Uniti Elon Musk irnexxielu jtajjar ir-rokit il-ġdid tiegħu li huwa l-aktar wieħed b’saħħtu fid-dinja, il-Falcon Heavy, mill-Kennedy Space Center fi Florida.
Skont il-midja internazzjonali, din il-vettura rnexxielha ttir fuq l-Oċean Atlantiku mingħajr problemi. Intqal li din it-titjira ta’ prova kienet waħda riskjuża.
Musk, li huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SpaceX qal li l-isfidi li ġab magħha dan il-proġett fissru li ċ-ċans li l-ewwel titjira tkun waħda ta’ suċċess kienet ta’ 50%.
Qal li beda jimmaġina li r-rokit kien se jisplodi mal-art però qal li fortunatament, dan ma seħħx.
Il-Falcon Heavy jista’ jerfa’ piż ta’ madwar 64 tunnellata lejn l-ispazju. Dan ifisser li jista’ jerfa d-doppju ta’ dak li jista’ jerfa t-tieni l-aktar rokit b’saħħtu, id-Delta IV Heavy. Però, Musk qal li għalkemm il-Falcon Heavy jerfa’ l-aktar piż, dan jagħmlu b’terz inqas mill-ispejjeż li jqum id-Delta IV Heavy.