Filmat: Itilqu mill-PN jekk tridu Kap tal-Oppożizzjoni ġdid – Arrigo

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-unika mod kif jista’ jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid huwa billi l-grupp li vvota kontra Adrian Delia bħala Kap jirreżenja mill-partit u jifforma partit ġdid, b’kap ġdid.

Hu qal dan mal-ġurnalisti li lbieraħ staqsewh diversi mistoqsijiet waqt li kien jinsab quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN. Wara li din il-ġimgħa, 19-il membru parlamentari ressaq vot ta’ sfiduċja f’Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-11-il persuna li vvutat favurih, Delia qed jaffaċċja ċ-ċans li jitneħħa mill-President George Vella mill-kariga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia tressqet minn Chris Said u ġiet sekondata minn Therese Comodini Cachia. Wara dan ir-riżultat, Delia insista li huwa beħsiebu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, għaliex it-tesserati eleġġew lilu. Madankollu, ilbieraħ, il-Membri Parlamentari Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President George Vella sabiex dan ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, u minfloku jaħtar lil Therese Comodini Cachia.

Klawżola fil-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li l-President għandu l-jedd ineħħi Kap tal-Oppożizzjoni jekk dan ma jibqax igawdi l-appoġġ tal-membri tiegħu. Newsbook.com.mt staqsa lil Arrigo dwar dan u hu wieġeb jgħid li filwaqt li l-President għandu dritt li jneħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, m’għandux jedd itella’ lil ħadd aktar ħlief il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Dan hekk kif s’issa, il-Partit Nazzjonalista għadu l-akbar partit fl-Oppożizzjoni. Delia insista kemm-il darba li mhux se jkun qed jirreżenja mill-irwol tiegħu bħala Kap tal-PN ladarba kienu t-tesserati li eleġġewh. B’hekk, sakemm il-Partit Nazzjonalista għad għandu l-akbar grupp ta’ membri parlamentari fl-Oppożizzjoni, Delia jrid jibqa’ jservi bħala kap.

Arrigo spjega li l-Kostituzzjoni tieqaf bit-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u ma tgħidx iżjed. Qal li b’hekk terġa’ tmur fuq l-artiklu ta’ qabel, li jgħidlek li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-Partit. Qal li kemm l-istatut tal-partit, kif ukoll il-Kostituzzjoni, jaqblu dwar dan.

Arrigo insista li jekk xi ħadd irid jagħmel lil xi ħaddieħor bħala Kap tal-Oppożizzjoni, mela dawn iridu jirreżenjaw minn Membri tal-Partit Nazzjonalista, jiffurmaw grupp ieħor u jekk dan ikun l-ikbar grupp tal-Oppożizzjoni mela mbagħad ikunu jistgħu jaħtru Kap tal-Oppożizzjoni ġdid. Meta Newsbook.com.mt rrimarka li xi ħaġa bħal din ma tistax issir u li tmur kontra l-Kostituzzjoni, Arrigo qal li ma jafx l-artikli kollha tal-kostituzzjoni għax hu bniedem sempliċi. Aktar tard, hu kompla jispjega din il-proċedura. Qal li dan hekk kif il-Membri Parlamentari li vvutaw kontra Delia huwa akbar minn dawk li vvutaw favurih, mela dawn jistgħu jiffurmaw partit ġdid, jeleġu kap, u dan ikun rikonoxxut mill-President bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni għax imbagħad, il-grupp ikun l-akbar grupp fl-oppożizzjoni.

Hemm min iħallas it-tessera taż-żewġ partiti

Newsbook.com.mt spjega kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien elett b’7,000 vot minn 15,000, intant, deputati oħrajn, inkluż Arrigo, kienu eletti b’aktar minn 100,000 vot. Newsbook.com.mt staqsa jekk xi ħaġa bħal din hix kumparabbli. Arrigo qal li kull min ried jivvota anke għal kap seta’ jħallas €5 għat-tessera, jidħol membru u jivvota għall-kap. Hu rrimarka li ż-żewġ partiti għandhom din is-sistema fejn il-membri jħallsu t-tessera u li huma prassi normali. Kompla billi jgħid li “hemm min għandu tessera ma’ wieħed u tessera mal-ieħor”.

Meta wieħed iħares lejn l-istatuti taż-żewġ partiti, jara b’mod ċar li persuna jkollha tessera mħallsa fiż-żewġ partiti tmur kontra l-istess statut. Fl-istatut tal-Partit Laburista, Kap III dwar l-isħubija jgħid “persuna msieħba fil-Partit Laburista ma tistax tkun f’xi partit, għaqda jew organizzazzjoni politika, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, li tħaddan principji differenti minn dawk tal-Partit Laburista.”

Silta mill-Istatut tal-Partit Laburista

Intant, l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li “membri tal-partit jiddekadu mis-sħubija b’effett immedjat jekk jirriżulta li: a) issieħbu f’partit politiku ieħor; b) issieħbu f’xi organizzazzjoni, f’Malta jew barra, li n-natura u l-prinċipji tagħha jkunu meqjusa mill-Kumitat Eżekuttiv li jmorru kontra l-prinċipji jew l-interessi tal-partit; c) irtiraw is-sħubija tagħhom mill-partit; jew d) irrifjutaw li jħallsu l-ħlas dovut tas-sħubija.”

Silta mill-Istatut tal-Partit Nazzjonalista

Jekk dak li qal Arrigo huwa minnu, mela ż-żewġ partit qed jiksru l-kostituzzjoni tagħhom stess.

Il-firda fil-PN

Arrigo tkellem dwar il-firda fil-Partit Nazzjonalista u sostna kemm din qed tikkawża problemi għalihom kollha. Arrigo qal li fit-tliet snin li ilu viċi kap, ħlief problemi fejn persuni jmorru kontra l-Kap tal-Partit ma kienx hemm. Qal li hu kien wieħed li ma vvutax lil Delia fl-elezzjoni. Spjega li Delia rebaħ l-elezzjoni bir-regoli li għamel ħaddieħor.

Arrigo qal li t-tort tan-nuqqas ta’ fiduċja tal-pubbliku fil-partit huwa tal-grupp parlamentari kollu. “Xi ħadd mhux se jafdak jekk kull tliet xhur għandek xi ħadd se jaqlalek il-problemi,” qal Arrigo. Irrimarka li r-responsabbiltà tas-sitwazzjoni preżenti ma taqax biss fuq spallejn il-grupp li mar kontra l-Kap, iżda fuq spallejn il-grupp kollu. Qal li b’hekk hu talab li kulħadd għandu jġorr ir-responsabbiltà.

Dwar jekk Arrigo stess qattx ta’ l-parir lil Delia biex iwarrab u jibqa’ jaħdem fi strutturi oħra tal-partit minflok bħala kap, Arrigo qal li mhux se jkun hu li jgħid lil Delia x’għandu jagħmel. Hu kompla jgħid li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, żgur se jkun diffiċli li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ elezzjoni. Intant kompla jgħid li jekk qatt ikun hemm lok għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ġdid, jekk il-PN jippreżenta lilu nniffsu bħala tim maqgħud, tim ta’ persuni ġodda, dawn kollha milqugħin. Qal li hu jaħseb li hemm ċans li wieħed jirbaħ ukoll jekk ikun hemm uċuħ ġodda. B’kandidati ġodda, forsi n-nies iħossu li jistgħu jidentifikaw magħhom.

Rappurtaġġ addizzjonali u filmati ta’ Monique Agius