Filmat: “It-Turkija u r-Russja huma żewġ imsieħba strateġiċi”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kemm it-Turkija kif ukoll ir-Russja huma żewġ imsieħba strateġiċi u għandna naħdmu biex ikollna l-aħjar relazzjoni magħhom u biex huma jkollhom l-aħjar relazzjonijiet ma’ xulxin.
Fi Brussell, fejn qed jattendi għas-Summit speċjali dwar it-Turkija, Dr Muscat qal li f’dan il-mument delikat, l-inqas ħaġa li għandha bżonn l-UE hi li jkollha żewġ imsieħba strateġiċi miġġildin ma’ xulxin u saħaq li jemmen li kulħadd għandu jaħdem iktar flimkien.
Dwar il-kwistjoni ta’ Ċipru u l-fatt li t-Turkija tirrikonoxxihiex, sostna li l-atmosfera tal-laqgħa hi waħda pożittiva, kemm min-naħa Ċiprijotta kif ukoll min-naħa Torka. Qal li jista’ jkun hemm xi tip ta’ żblokk fuq din il-kwistjoni.
Il-Prim Ministru saħaq li wieħed ma jistax iħares lejn it-Turkija biss fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mis-Sirja u qal li l-immigrazzjoni hi biss kwistjoni partikolari u li l-fehma tagħna bħala Malta m’għandhiex tkun determinata mill-immigrazzjoni biss.
Dwar iċ-CHOGM li ġie fi tmiemu lbieraħ, Joseph Muscat qal li nkisbu riżultati ferm aħjar milli wieħed kien qed jistenna u saħaq ukoll li kien hemm riżultati konkreti.
Sostna li minkejja li kien hemm min prova jiżra l-biża’ u kien hemm min qal li s-summit għandu jitħassar, kollox mexa b’kawtela u b’mod ippjanat. Saħaq li kien hemm organizzazzjoni tajba mis-suldati, mill-pulizija u minn dawk kollha involuti. Irringrazzja wkoll lill-poplu tal-kollaborazzjoni.

Ritratt: DOI: Jeremy Wonnacott