Filmat: It-Tramps lura b’kunċert tal-Milied fit-Tokk

Qatt smajtha l-kanzunetta Xemx?  U żgur li smajtha!  Kienx Joseph Calleja mal-Orkestra Filarmonika?  Jew il-Wintermoods f’xi kunċert tagħhom?  Inkella smajtx l-interpretazzjoni tal-Big Band Brothers fuq xi programm tar-radju? 
Imma mqar jekk illum Xemx saret kważi simbolu nazzjonali, id-diska mhi ta’ ħadd minn dawn kollha. Is-suċċess tagħha nafuh lill-mibki Dominic Grech u l-grupp leġġendarju Għawdxi The Tramps li jista’ bla dubju ta’ xejn jitqies bħala l-aktar grupp popolari tal-mużika pop li kellu Għawdex. Fit-tmeninijiet il-Grupp rebaħ il-Festival Kanzunetta Maltija bil-kanzunetta tiegħu Sinjur, ġib il-paċi
F’għeluq l-għaxar snin mill-mewt ta’ Dumink, li kien il-qalb wara din il-band Għawdxija, ibnu Richard, mużiċist hu wkoll, flimkien ma’ ħutu riedu jfakkru lil missierhom b’kunċert li sa jittella’ fil-Belt Victoria nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru, fit-8.30pm, fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Indipendenza u ċ-ċentru storiku tar-Rabat.
Is-suġġett?  Jista’ ma jkunx il-Milied!  Il-grupp Għawdxi, magħruf ukoll għas-suċċess tiegħu Għawdex, inti Djamant, minn dejjem kellu għal qalbu dan iż-żmien.  Fil-fatt, anki jekk fl-2004 għamlu l-aħħar dehra pubblika tagħhom, ilhom għal dawn l-aħħar 30 sena jżommu t-tradizzjoni ħelwa li jallegraw bid-daqq tagħhom tal-Milied minn fuq trakk huma u jduru madwar it-toroq tar-Rabat jiġbru għall-karità.
Il-kunċert Milied mat-Tramps se jkun imżewwaq bl-aqwa siltiet tal-grupp, anki dawk li forsi ntesew ftit maż-żmien. Fost dawn hemm diski oriġinali bħal Waslet il-Festa tal-Milied, Il-Presepju tal-Gagazza u għanjiet oħrajn li fid-disgħinijiet ħarġu f’album li jien u tfal tal-età tiegħi min jaf kemm smajna fuq li smajna!
Mal-format oriġinali tal-Grupp magħmul minn Carmel Portelli, Joe Cassar u Spiro Sillato, se jingħaqdu wlied Dominic, Richard u Mark, kif ukoll Edwin Magro fuq il-lead guitar. Sa jieħdu sehem ukoll mistiedna speċjali: il-Cash, Gabriella u Remy mill-Grupp Novel, kif ukoll Ivan Grech minn Wintermoods.
Ma jistax jonqos li dan il-kunċert ikollu għan filantropiku, u għalhekk ħa ssir ġabra speċjali għall-Istrina.