Filmat: “It-Tnejn inħarrxu l-miżuri jekk ikollna nuqqas ta’ dixxiplina fil-weekend” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk il-Maltin ma jimxux mal-miżuri dan il-weekend, il-Gvern mhux se jkollu għażla ħlief li jħarrax il-miżuri nhar it-Tnejn li ġej.

Waqt intervista fuq ONE waqt l-aħbarijiet tal-lejla, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista qal li jifhem li dan hu żmien diffiċli, peress li kulħadd jixtieq jiċċelebra l-Għid il-Kbir mal-familja, iżda appella sabiex kulħadd jibqa’ ġewwa u jsegwi r-regolamenti.

Huwa qal li l-ġimagħtejn li ġejjin huma kruċjali, ta’ “make or break.” Jekk il-Maltin se jillaxkaw, din is-sitwazzjoni se ddum tkaxkar aktar, qal Abela. Huwa semma s-settur ekonomiku u qal li jkun inutli li jkun hemm suċċess fis-settur tas-saħħa jekk indumu ma noħorġu minnha, peress li se jkollha impatt kbir fuq l-ekonomija. Qal li s-suċċess se jitkejjel fuq is-servizzi mediċi u fuq min jirnexxilu jirkupra l-ewwel fl-ekonomija.

Illum ġew immultati 59 persuna li nqabdu barra fi grupp t’aktar minn tliet persuni. Dawn ġew immultati €100 kull wieħed. Is-Supretendent tas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci llum ħabbret 13-il każ ġdid tal-coronavirus f’Malta, biex it-total issa huwa ta’ 350 każ.

“Ir-realtà tal-immigranti tweġġgħek imma rridu nipprijoritizzaw”

Abela tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern biex ma jiddaħħlux aktar immigranti f’Malta. Spjega li r-realtà li jaffaċċjaw l-immigranti tweġġgħek, imma l-Gvern Malti jeħtieġ li jipprijoritizza. Huwa fiehem kif waqt li l-Gvern kien qed jieħu din id-deċiżjoni, dgħajsa laħqet daħlet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija mil-Libja u kien għalhekk li kellu jagħmel eċċezzjoni għal din id-dgħajsa.

Ilbieraħ b’hekk iddaħħlu 70 immigrant. Dawn kollha ġew ittestjati għall-coronavirus, tpoġġew f’iżolament u se jinżammu f’detenzjoni sabiex tiġi evitata l-firxa tal-coronavirus, għalkemm ittestjaw fin-negattiv.

Abela ddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda iebsa u bla preċedent li tfisser responsabbiltà kbira. Qal li l-pandemija tal-coronavirus ippreżentat gwerra siekta, peress li għandha l-iżvantaġġ li “lill-għadu ma nafuhx.” Skontu, il-miżura meħuda mill-Gvern li ma jiddaħħal l-ebda bastiment ta’ immigranti f’Malta hija proporzjonata għal dawn iċ-ċirkustanzi.

Insista li r-riżorsi kollha tal-pajjiż qegħdin jintużaw għall-kontroll tal-coronavirus, għalhekk il-Gvern ma jaffordjax li juża r-riżorsi tiegħu fuq kwistjonijiet oħra f’din is-sitwazzjoni. Żied jgħid li l-għajnuna li Malta talbet lill-Unjoni Ewropea ssarrfet s’impatija u solidarjetà, allura r-reazzjoni tal-Gvern se tkun ta’ simpatija u solidarjetà wkoll.