Filmat: It-tindif tal-oqbra fl-Addolorata jsir b’mod regolari

It-tindif tal-oqbra fl-Addolorata jsir b’mod regolari fl-ewwel kwart tas-sena. Dan ikkonfermatu kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa li ma’ Newsbook.com.mt spjegat li l-Gvern jagħmel dan ix-xogħol b’obbligu biex ikollu post fejn jista’ jidfen persuni li ma jkollomx qabar privat fejn jindifnu.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-awtoritajiet wara li dehru filmati u ritratti tal-ħidma li kienet qed issir fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Għadd ta’ persuni li kkummentaw u kkunttjaw lil din il-kamra tal-aħbarijiet ħasbu li l-Gvern qed jipprepara l-oqbra f’każ li l-imwiet ta’ persuni jiżdiedu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Professur Arnold Cassalo qal li dan ix-xogħol sar b’diżrispett lejn il-familjari tal-persuni midfunin hawnhekk. Huwa ppubblika messaġġ ta’ persuna li missierha huwa midfun f’din il-parti taċ-ċimiterju. Cassola qal li l-minimu tad-diċenza kienet tkun li l-familjari jkunu mgħarrfa li qed isir dan ix-xogħol.

Il-kelliema tal-Gvern qalet li hija responsabilità tal-familjari tal-mejjet jew il-mejta li jinfurmaw qabel ma jgħaddu sentejn mil-mewt tal-individwu li jkun indifen fil-komun tal-Gvern. 

Spjegat li peress li l-komun huwa tal-Gvern ma hemm l-ebda obbligu li l-qraba jkunu infurmati. Min-naħa l-oħra hija qalet li persuni li kienu avżaw li kellhom l-intenzjoni li jittrasferixxu l-fdalijiet tal-mejtin tagħhom ġew miżmuma f’qobra ulterjuri biex dan ikun jista’ jsir.

Filmat: Facebook/Domnic Briffa