Filmat: It-tifsira vera tal-Milied

More Than This hija l-kanzunetta ġdida ta’ Marija Djinovic, ta’ 11-il sena li għandha passjoni għall-kant. Fuq kitba ta’ Rita Pace u mużika ta’ Marco Debono, din il-kanzunetta ġġegħilna nirriflettu fuq dak li jfisser tassew il-Milied.

Qalb l-istorbju ta’ min jiċċelebra, l-ikel, ix-xiri, it-tgawdija, ir-rigali u l-materjaliżmu, kultant ninsew dak li hu tassew importanti f’dan l-istaġun: il-familja, il-ġenerożita’, il-ħin mal-maħbubin u l-għaqda.

Ninsew ukoll kemm hawn min tant intlaqat ħażin mill-pandemija li ma jistax joffri lill-familja dawk il-kapriċċi u r-rigali li jiswew il-flus, u forsi wkoll neqsin minn dak li aħna nieħduh for granted.

Issa waqt il-pandemija, nistgħu niskopru dik is-sempliċita’ li tista’ tgħaqqadna flok il-ġiri li jaljenana, u anki l-ħeġġa li nuru solidarjeta’ ma ħaddieħor u naqsmu xi ftit milli għandna ma min hu inqas ixxurtjat. Jalla din il-kanzunetta tispirana ħalli nħossu aħna wkoll li hemm xi ħaġa iżjed minn dak li hu materjali, il-ferħ li li jista’ jinsab biss fil-qalb.

Il-filming kien f’idejn Luke Borg u t-tim jinsabu ħerqana biex iwasslu messaġġ pożittiv għal dan il-Milied filwaqt li jawguraw il-festi t-tajba lil kulħadd.