Filmat: It-tifla ta’ 9 snin li ddisinjat il-kartolina tal-PM

Wieħed mid-disinni tal-kartolina li qed jibgħat din is-sena l-Prim Ministru Robert Abela, għamlitu tifla ta’ disa’ snin li tgħix f’dar residenzjali tat-tfal fil-Mosta.

Newsbook.com.mt kellu ċ-ċans li jiltaqa’ mad-disinjatriċi ta’ waħda mill-kartolini tal-Milied tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li tgħix fid-dar Sempre Viva ma’ bniet oħra li l-età tagħhom tvarja bejn tmienja u 15-il sena, u li wħud minnhom ipparteċipaw ukoll fil-kompetizzjoni tad-disinn tal-kartolina.

Din it-tifla qalet li oħtha hija s-sors ta’ ispirazzjoni għaliha u jħobbu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom ipinġu. Hija kienet tattendi għal-lezzjonijiet tal-arti iżda waqfet minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Jieħdu ħsieb dawn it-tfal hemm 13-il support worker. Tkellmet magħna Dorianne Micallef, waħda minn dawn is-support workers, li esprimiet il-ferħ li ħasset kif saret taf li r-rebbieħa tal-kompetizzjoni kienet waħda mit-tfal f’din id-dar. Hija spjegat ukoll kif kulħadd jaħdem f’katina biex b’hekk fid-dar ikun hemm atmosfera pożittiva.

Minn naħa tagħha, il-Head of Care, Angie Farrugia Ellul, spjegat kif l-arti tiġi inkorporata fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn it-tfal biex b’hekk jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom aħjar. Għalhekk, isiru diversi proġetti artistiċi matul is-sena bl-użu ta’ materjal riċiklat. Pereżempju, il-Presepju tal-Milied inħadem bl-idejn fir-residenza stess permezz ta’ xkejjer tas-siment, ġablow u gazzetti.

Waqt din l-intervista, Angie Farrugia Ellul, ingħatat kartolina tal-Milied magħmula bl-idejn mit-tfal tar-residenza. Hija wriet l-apprezzament tagħha għal dan il-ġest sabiħ. 

Filmati: Miguela Xuereb; Muntaġġ: Sarah Salafia