Filmat: “Ġiet ħdejja kważi titkaxxar” – omm

Niki, tifla Maltija, ferriħija u kuraġġuża, kienet milquta mill-kundizzjoni tal-artrite fl-età ta’ sena u għaxar xhur. F’intervista li saret mal-omm u l-bint fl-okkażjoni ta’ Jum Dinji tal-Artrite, ommha spjegat kif Niki kienet tarbija attiva ħafna.

Maż-żmien omm it-tifla bdiet tinduna li xi affarijiet li kienet tagħmel ta’ kuljum, bintha ma bdietx tagħmilhom. Hija qalet li meta kienet tqum filgħodu ma baqgħetx tmur ħdejha fil-kċina u kienet dejjem issemmilha li qed tuġagħha sieqha.

L-omm spjegat kif jum fost l-oħrajn bintha marret ħdejha kważi titkaxkar. Kif l-omm marret tgħollilha l-qalza, indunat li l-irkoppa ta’ Niki kienet minfuħa. Hija qalet li malli marret għand tabib, mill-ewwel irreferiha għall-isptar fejn sarulha aktar testijiet. Minn din l-esperjenza, l-omm qalet li tgħallmet ħafna hekk kif it-tobba għenuha tifhem aħjar x’jiġifieri li jkollok l-artrite u introduċewha għall-mediċina li kellha tagħti lil bintha.

Hija appellat lill-ġenituri oħrajn biex joqgħodu attenti ta’ dak li jgħidulhom it-tfal u jekk jilmentaw li jkollhom xi mkien juġagħhom jiħduhom għand it-tabib. Hija qalet li tixtieq li kieku tiżdied il-kuxjenza dwar din il-kundizzjoni speċjalment fuq it-tfal biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun normali bħal tfal oħra.