Filmat: It-tieni prova ta’ Michela għas-semifinali tal-Eurovision

Ritratt: Andres Putting

Dak li ħafna qed jistennew wasal: Il-filmat tat-tieni prova ta’ Michela għall-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.

Michela dehret aktar kunfidenti fuq il-palk u bosta faħħru l-wirja tagħha. Inbidlu xi ftit mill-props u anki l-ħwejjeġ, kemm tar-rappreżentanta Maltija kif ukoll taż-żeffiena. Xi siti rrappurtaw ukoll li kien hemm xi problemi żgħar fejn kien qed jidħol xogħol tal-kamera. Iżda biex ipatti għal dawn in-nuqqasijiet, jingħad li kien hemm il-kunfidenza u t-tbissima tar-rappreżentanta Maltija.

L-eċċitament issa donnu li qed jikber sew hekk kif jonqos ftit jiem qabel ma’ jsiru l-provi bil-ħwejjeġ uffiċċjali li Michela se titla’ bihom fuq il-palk tal-Eurovision għat-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest nhar il-Ħamis 16 ta’ Mejju.

Ritratt: Andres Putting

Matul il-ġurnata se jkomplu l-provi tal-kanzunetti mit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest biex imbagħad għada l-Ħadd isiru t-tieni provi tal-ħames pajjiżi l-kbar flimkien mal-Iżrael, il-pajjiż ospitanti, u li posthom huwa diġa’ garantit fil-finali.

Ritratt: Wikipedia

Għada filgħaxija, se ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fejn l-artisti protagonisti fl-edizzjoni ta’ din is-sena jgħaddu minn fuq it-tapit oranġjo li se jkun hemm f’Habima Square, magħrufa wkoll bħala l-Pjazza tal-Kultura, u jkunu parti minn ċelebrazzjoni li ssir fit-teatru nazzjonali tal-Iżrael.

Ritratt: Andres Putting

Intant, wara din il-prova, Michela kienet preżenti għall-konferenza stampa biex tiltaqa’ mal-ġurnalisti akkredetati għal din l-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.