Filmat: It-tfal mistagħġba bid-dinja ta’ taħt il-baħar

Madwar 400 tifel u tifla li jattendu Skolasajf dalgħodu mlew is-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta fejn intwera d-dokumentarju dwar id-dinja ta’ taħt il-baħar fid-Dwejra u Rdum Majjiesa.

Dan huwa t-tielet dokumentarju li sar bħala parti mill-proġett PANACEA, li hu ffinanzjat mill-Programm Operattiv Italia-Malta 2007-2013 u li għandu l-għan li jrawwem aktar apprezzament lokali għall-ambjent tal-baħar fil-gżejjer Maltin.

Dr Alan Deidun, li qed imexxi dan il-proġett qal li dan hu l-aħjar dokumentarju lokali dwar il-baħar li jgħaqqad tekniki innovattivi tal-iffilmjar. Iddeskriva l-filmat bħala spettakolari u li juri l-aktar speċi kariżmatiċi tal-baħar fosthom iż-żwiemel tal-baħar, awwisti, ċeren u speċi oħra.

Il-wiri tad-dokumentarju jaħbat mal-ftuħ memorabbli tal-ewwel akwarju f’Malta, li skont il-bioloġista jindika qawmien fl-interess f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-baħar.

Uħud mit-tfal preżenti qalu li l-wiri ta’ dan id-dokumentarju għenhom ikabbru l-għarfien tagħhom dwar id-dinja taħt il-baħar u jinsabu ħerqana biex jaraw id-dokumentarju l-ieħor dwar Mġarr ix-Xini f'Għawdex.

Preżenti kien hemm l-Aġent President Dolores Christina, il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Dr Charlo Bonnici.