Filmat: “It-tfal mhux jingħataw servizz waqt dewmien fil-Qorti”

Read in English.

Id-Direttur tad-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) Remenda Grech qalet li t-tfal mhux qed jingħataw servizz meta l-entitajiet qed ikunu parti minn proċessi li qegħdin jitwalu. Grech kienet qiegħda titkellem fid-dawl tad-dewmien ta’ każijiet fil-Qorti fejn jidħol l-aċċess tat-tfal.

Remenda Grech kienet mistiedna fuq il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart waqt li kien qiegħed jiġi diskuss is-suġġett tal-familja.

Id-Direttur tad-Direttorat Kura Alternattiva qalet li mhux aċċettabbli li jkollok koppji li ma jkunux qegħdin jaqblu, imorru għall-medjazzjoni, ma tirnexxix jidħlu l-Qorti u jkun għadhom qed jiġġieldu fuq l-aċċess tat-tfal. Spjegat li ġieli l-kawżi jkunu deferiti għal seba’ xhur wara u sadanittant it-tfal għadhom sejrin min-naħa għall-oħra. Żiedet li matul dan il-proċess kollu tkun qiegħda ssir ħafna ħsara lil dawn it-tfal minħabba li ħafna drabi meta t-tfal ikunu mal-missier jisimgħu kontra l-omm u bil-kontra.

Grech kompliet tispjega li sfortunatament it-tfal iħossuhom qegħdin jiġġennu minħabba l-fatt li jkunu qegħdin jisimgħu kontra l-ġenituri u huma intrinsikament jħossu li għandhom iħobbu liż-żewġ ġenituri.

Remenda Grech issuġġeriet li matul dan il-proċess il-medjatur għandu jkollha l-poter li tieħu ċerta deċiżjonijiet bażiċi bħall-aċċess tat-tfal, jew deċiżjonijiet oħra immedjati. Żiedet li dan iħaffef il-proċess li wieħed ma jkollux għalfejn jidħol il-Qorti u jintilef fis-sistema. F’każijiet fejn tidħol il-ġudikatura, Grech proponiet li ġudikatura għandha tkun sensittiva u deċiżjonijiet fuq it-tfal għandhom ikunu immedjati u ma jkunx hemm dewmien.