Filmat: “It-tfal ma setgħux jifhmu li ma stajtx inqum nagħmel te’”

B’nofs tbissima, David Borda jirrakkonta kif “jgħidu li life begins at 40.” Imma ftit wara li għalaq l-40 sena, beda jħoss siequ tirtogħod u subgħajh bdew jitgħawġu. Beda billi mar għall-massaġġi imma ġie riferut għal newrologu li ċċertifikah li għandu l-Parkinson’s.

F’intervista ma’ Sylvana Debono fuq RTK 103FM, David jirrakkonta kif din il-kundizzjoni ġiet fuqu bħal sajjetta fil-bnazzi. Jistqarr li kiendiffiċli għat-tfal tiegħu biex jifhmu li lanqas seta’ jqum biex jagħmel te u kien jitlob lilhom biex jagħmluhulu.

Il-Parkinson’s hi marda li tmur għall-agħar maż-żmien, minkejja l-mediċini li tista’ tieħu biex tikkontrollaha. Jgħid li hu aċċettaha u l-problema kienet kif se jilqgħuha l-qraba li ma ħaduhiex tajjeb u għall-ewwel m’aċċettawhiex, xi ħaġa li kienet stressanti għalih.

Għażel jiġġildilha billi daħal għall-kors tal-liġi

Jispjega li kellu l-għażla quddiemu, li jiddispra, jintelaq jew jiġġildilha. Għażel li jiġġildilha billi daħal għall-kors tal-liġi waqt li ma kienx qed jaħdem. Iżda meta wasal għat-tielet sena, l-istress tal-kors beda jaffettwalu ħajtu u kellu jagħżel bejn saħħtu u l-istudju.

David jgħid li hemm seba’ tipi ta’ Parkinson’s u skont liema waħda tolqot il-persuna, tkun aggressiva u tiggrava malajr skont il-marda. Il-mediċina żżomm il-marda stabbli għal ċertu żmien u l-effetti tagħha mhux dejjem jaħdmu. Għamel sena ma jistax jorqod, ikollu joqgħod bilqiegħda qabel jipprova jitqalleb għax ma setax jitqalleb b’mod normali.

Imbagħad beda jħoss rogħda u għebbusija f’idejh, id-diskors beda jsir inqas ċar, beda jbati biex jiekol u biex joqgħod bilqiegħda. 

“Importanti titkellem mill-ewwel biex issib l-għajnuna”

David jirrakkonta li l-kollegi tax-xogħol tiegħu fehmu d-diżabbilta’ u fehmu kif jistgħu jgħixu biha. Qal li beda jfittex l-għajnuna differenti fost l-oħrajn mill-Assoċċjazzjoni tal-Parkinson’s. Qal li f’Malta l-mard għadu stigma u huwa importanti li n-nies jitkellmu mill-ewwel biex isibu l-għajnuna. 

Irrefera għall-fatt li f’Malta 1,400 persuna għandhom il-Parkinson’s u semma li tajjeb li dawn il-persuni jiltaqgħu. Jgħid li sab l-għajnuna minn persuni oħra li qablu kienu għamlu operazzjoni li ttaffi rogħda u t-tbatija.

Il-parti tax-xellug ta’ ġismu kienet iebsa u kellu r-rogħda u bl-operazzjoni ta’ deep brain stimulation, jgħaddu żewġ electrodes mill-moħħ li jkunu mqabbda ma’ pacemaker u għandhom batterija li tinbidel kull ħames snin. Dawn jagħtu xokkijiet żgħar lill-moħħ u wasslu biex jista’ jorqod, waqfet ir-rogħda f’saqajh, jista’ jiftaħ idejh u jinħasel b’mod komdu. Fl-istess waqt il-pilloli naqsulu minn tmienja għal erbgħa kuljum u fadallu ftit rogħda f’idejh li tista’ tiġi kkontrollata billi titranġa l-frekwenza tal-apparat.

Jgħid li persuna għandha tikkonsulta mat-tabib u tieħu deċiżjoni infurmata dwar din l-operazzjoni li tista’ tgħinha biex tgħix iktar komda. Iħeġġeġ lil min għandu l-Parkinson’s biex ma jaqtax qalbu u biex jitkellem.

Jekk tixtieq tattendi għal-lezzjonijiet taż-żfin jew tixtieq tikseb iktar dettalji, idħol fil-paġna fuq Facebook:Step Up For Parkinson’s Voluntary Organisation jew ċempel fuq 9920 0822.