Filmat: It-tfal jiddiskutu kif ir-reliġjon tagħmilhom aħjar

Read in English.

Il-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà (MFWS) organizzat sessjoni ta’ djalogu għat-tfal ġejjin minn reliġjonijiet differenti biex jitgħallmu aktar dwar ir-rispett.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet lil Newsbook.com.mt li fi Frar in-Nazzjonijiet Magħquda (UN) iddeċidiet li jkollha World Interfaith Harmony Week. Spjegat li din l-attività tal-lum kienet parti mill-kontribut ta’ Malta għal dan.

Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà (MFWS) nediet dan il-programm li huwa mmexxi mit-tfal li qed jieħdu sehem fih. Coleiro Preca spjegat li t-tfal ġejjin minn reliġjonijiet differenti. Dawn jiltaqgħu flimkien u jippreparaw proġetti.

Il-President Emeritu qalet li bil-libertà tar-reliġjon wieħed irid jifhem li jrid jirrispetta lil ħaddieħor. Tkellmet dwar sitwazzjonijiet li ltaqgħet magħhom f’Malta fejn dan ir-rispett mhux dejjem ikun preżenti.

Tkellmet dwar il-każ ta’ tifla li għandha reliġjon differenti minn sħabha tal-klassi. Meta tkun qed tiekol, it-tfal jagħmlu l-basktijiet madwarha biex ma tidhirx.

Semmiet ukoll każ ta’ tifla dieħla l-Università ta’ Malta li tiġi redikolata minn sħabha għax trodd is-sinjal tas-salib qabel ma tiekol.

Coleiro Preca qalet li ntgħażel il-Kulleġġ San Albert il-Kbir fil-Belt Valleta għax hija skola unika. Spjegat li filwaqt li hija skola tal-Knisja Kattolika tal-Ordni Dumnikana, l-iskola tagħti wkoll spazzju lil tfal li jkunu ġejjin minn reliġjonijiet differenti.

Mistoqsija dwar jekk il-proġett hux se jsir ukoll fi skejjel oħra, Coleiro Preca qalet li qed iħallu lit-tfal jinfurmaw il-proċess u li se jimxu pass pass.

Il-Koordinatur tal-proġett Angie Caruana qalet lil Newsbook.com.mt ilhom jaħdmu sitt ġimgħat fuq l-attività tal-lum. It-tfal illum iddiskutew kif ir-reliġjon tagħhom tagħmilhom persuni aħjar.

Celebrating Interfaith Harmony Week 2020 – First Child led Interfaith event #interfaith #MFWS#uninterfaithharmonyweek

Posted by The Malta Foundation for the Wellbeing of Society on Saturday, February 15, 2020

Filmat: Christoph Schwaiger