Filmat: “It-tfal imdejqin għax m’għandhomx spazji fejn jimirħu” – Prof. Borg

Indiċi tal-UNICEF jindika li 30% tat-tfal Maltin mhumiex kuntenti

Read in English.

Prof. Carmel Borg qal li fattur ewlieni fin-nuqqas ta’ kuntentizza fost it-tfal Maltin hu n-nuqqas ta’ spazju fejn jimirħu, peress li l-ispazji kollha ttieklu għal raġunijiet privati jew kummerċjali.

Dan qalu fuq il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, huma u jiddiskutu rapport tal-UNICEF li jindika li 70% biss mit-tfal Maltin huma kuntenti.

Prof. Borg, li huwa lettur fl-Università u l-Kap tad-Dipartiment tal-Arti, il-Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni għall-Adulti, qal li l-aktar li jinkwetah huwa s-skiet dwar din l-istatistika, billi ma tittiħidx azzjoni. Ġab eżempju bil-Ġermanja fejn meta marret ħażin fi stħarriġ fuq il-kamp edukattiv, qam kjass sħiħ u raw x’għamlu biex tejbu s-settur f’temp ta’ tliet snin.

Hu spjega li meta jinqered l-ambjent, ikunu qed jinqerdu d-drittijiet tat-tfal. Stqarr li lil uliedu jgħidilhom li għandhom kollox materjalment, imma m’għandhomx il-kuntentizza li kellu hu fi tfulitu meta Malta suppost kienet ħafna agħar milli hi llum. “Morna minn żmien meta tista’ tilgħab fit-triq, tmur fl-għelieqi u fil-widien għal spazji li ttieklu għal raġunijiet privati u kummerċjali b’tali mod li issa prattikament ikkonfinaw lit-tfal fl-ispazju ristrett tagħhom,” qal inkurlat l-akkademiku.

F’dan l-indiċi tal-UNICEF li jiffoka fuq il-benessri tat-tfal f’pajjiżi differenti, Malta kklassifikat fl-34 post minn 41 pajjiż. Prof. Andrew Azzopardi semma kif ir-rapport hu bbażat fuq is-saħħa mentali, is-saħħa fiżika u l-ħiliet, u ġie nnutat li ċ-Ċilì, l-Istati Uniti u Malta biss qegħdin lejn l-aħħar fit-tliet aspetti.

Skont Prof. Azzopardi, li hu d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università, dan għandu jfisser riżenji, għandu jfisser li nies inkarigati minn dipartimenti b’rabta ma’ dan jammettu li huma ma rnexxewx.

Prof. Borg iddiskuta wkoll il-faqar materjali u rrefera għal statistika li tgħid li 23% tat-tfal qegħdin jgħixu qrib il-linja tal-faqar, bil-ġenituri tagħhom jgħixu minn ġurnata għall-oħra. Huwa staqsa kif jistgħu t-tfal jiffukaw fuq l-iskola u l-iżvilupp konjittiv tagħhom meta jikbru f’sitwazzjoni bħal din.

Qal ukoll li l-obeżità hi raġuni oħra inkwetanti marbuta mad-dwejjaq li jkollhom it-tfal. Tintrabat mal-faqar billi hemm min ma jkollux biżżejjed flus biex jiekol b’mod diċenti. Ir-rapport jirrigwarda anke l-ibbuljar fl-iskejjel.

Prof. Azzopardi kkummenta dwar kif il-kwistjonijiet li jaffettwaw lil dawn it-tfal fi tfulithom, li jġegħluhom ikunu mdejqin, x’aktarx jibqgħu jaffettwawhom tul ħajjithom kollha.

L-appell finali ta’ Prof. Borg kien sabiex l-awtoritajiet iqumu mir-raqda u jaraw kif jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-soċjetà li qed iwasslu lit-tfal biex ikollhom tfulija mimlija diqa.

Segwi l-programm sħiħ hawn
It-tfal għandhom vuċi?