Filmat: It-tfal Għawdxin jgħannu l-“Laudato sì”

L-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato sì u r-rispett lejn in-natura u l-ambjent kienu t-tema ta’ ċelebrazzjoni għat-tfal li nżammet il-Ħamis li għadda fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Patrijiet Kapuċċini f’Għawdex.
’Il fuq minn 300 tifel u tifla bejn ir-raba’ sena tal-primarja u l-ewwel sena tas-sekondarja attendew għall-attività ta’ siegħa organizzata mill-Kummissjoni Kateketika tad-Djoċesi ta’ Għawdex bi tħejjija għall-festa ta’ Kristu Re.
Bil-kwadru sabiħ ta’ San Franġisk, xogħol il-Calì, espost mal-faċċata tas-Santwarju, u għad-dehra sabiħa tax-xemx nieżla fuq il-wied pittoresk fit-triq ta’ Marsalforn, it-tfal setgħu fil-veru sens tal-kelma jikkontemplaw is-seħer tan-natura.
Bi tweġiba għas-sejħa li għamlilhom l-Isqof ta’ Għawdex f’Ittra għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, dan l-aħħar imqassma fil-klassijiet tal-iskejjel f’forma ta’ ktieb, fejn stedinhom jibdew billi japprezzaw il-ġmiel tal-gżira tagħhom, it-tfal niżżlu fuq il-kartonċin l-elementi sbieħ tan-natura li jispikkaw fid-diversi rkejjen tagħha.
F’innu wieħed ta’ ġieħ lill-Ħallieq, it-tfal talbu flimkien l-Għanja tal-Ħlejjaq, li San Franġisk stess kien kiteb biex ifaħħar lil Alla għall-opra sabiħa tal-ħolqien.  Kien kliem dan l-innu li nebbaħ lill-Papa Franġisku jikteb l-aħħar enċiklika tiegħu.
Lura d-dar magħhom it-tfal ħadu daqsxejn ta’ żerriegħa ċkejkna – stedina sempliċi biex huma wkoll ikomplu jippromovu l-ħajja f’kull għamla tagħha, għax anki f’daqsxejn ta’ żerriegħa, bħal fil-każ tal-embriju f’ġuf l-omm, diġà b’xi mod hemm moħbija l-ħajja kollha!