Filmat: “It-tfal għandhom dritt li jilagħbu” – Il-President

Ġie inawgurat The President’s Eco Park, li jimmarka t-tletin sena mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fil-qalb ta’ din il-Konvenzjoni hemm id-dritt tat-tfal li jilgħabu, u għalhekk l-Eco Park huwa f’isem dan id-dritt.

Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi, u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Enerġija David Agius.

Il-President spjegat li t-tfal kienu minn dejjem ċentrali għall-Presidenza tagħha. Hija qalet ukoll li saret ħafna ħidma f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tat-tfal. Huwa għalhekk li dan l-Eco Park jinsab fil-Ġnien tal-Kċina tal-President. F’dan l-Eco Park hemm ukoll apparat li se jkun ta’ għajnuna għal tfal bl-awtiżmu.

Fid-dawl ta’ din l-inawgurazzjoni, il-President ħabbret ukoll li bħalissa il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà qiegħda tagħmel diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mat-tfal permezz tal-Istitut Nazzjonali tat-Tfulija fuq il-play areas. B’dan il-proġett, it-tieni wieħed fl-Ewropa kollha, t-tfal se jkunu qed jitgħallmu waqt li jieħdu gost u jagħmlu attività fiżika.