Filmat: It-test tad-demm mhux sostitut għall-iswab test

Read in English.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci spjegat li t-test tad-demm li jgħidlek jekk qattx kellek il-coronavirus mhuwiex ekwivalenti għall-iswab test li qed isir mill-awtoritajiet biex jiddetermina jekk xi ħadd ikunx pożittiv għall-virus.

Prof. Gauci ġiet mistoqsija minn Newsbook.com.mt waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ jekk it-testijiet tad-demm li qegħdin jiġu offruti minn sptarijiet privati jistgħux jitqiesu sostituti għall-iswabs, u jekk nafux huwiex test validu biżżejjed.

Hija spjegat li l-antibody test huwa parti mit-test tad-demm li jgħid jekk persuna ltaqgħetx mal-virus u bnietx l-antibodies, dawk li l-ħaddiema tas-saħħa qed jirreferu għalihom bħala suldati, biex jiġġieldu l-virus. Prof. Gauci qalet li hemm żewġ tipi: l-IgA li jindika infezzjoni li tkun fil-bidu nett u l-IgG, li jindika infezzjoni fil-passat, bejn sitt u tmien ġimgħat qabel.

Issoktat tgħid li l-iswab test huwa differenti, għaliex dan ikejjel il-partiċelli tal-virus, li jindikaw jekk persuna jkollhiex il-virus dak il-ħin.

Għalhekk, iż-żewġ tipi ta’ testijiet jintużaw għal skopijiet differenti. Sabiex ikunu jafu kemm hemm każijiet kurrenti, il-ħaddiema tas-saħħa jużaw l-iswab test. Madankollu, it-test tal-antibodies qegħdin jużawh ukoll biex jaraw x’inhija s-sitwazzjoni ta’ immunità fost il-Maltin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn