Filmat: It-tenur Joseph Calleja isaħħar il-passiġġieri fuq l-Air Malta

It-tenur ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja ħalla ajruplan mimli passiġġieri affaxxinati u bla kliem wara li kanta O Sole Mio, bħala parti minn vidjow promozzjonali ġdid tal-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Malta, l-Air Malta.

Il-vidjow jifforma parti minn kampanja pubbliċitarja li qiegħda ssir mill-Air Malta. It-tenur Malti Joseph Calleja sostna li jinsab kburi li qed jappoġġja l-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Malta fi żmien diffiċli għall-industrija. Fi Frar li għadda, meta nħatar ambaxxatur ewlieni tal-Air Malta, Joseph Calleja qal li l-kumpanija Air Malta hija simbolu tal-ospitalità, il-kreattività,  xogħol iebes u l-bżulija tal-poplu Malti.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-Air Malta Peter Davies irringrazzja lis-Sur Calleja talli kkontribwixxa bit-talenti immensi tiegħu sabiex jgħin lill-Air Malta, li bħalissa għaddejja minn perjodu ta’ ristrutturar li skont hu qed iħalli l-frott mixtieq.