Filmat: It-taħriġ tal-ħaddiema irid jibqa’ prijorità – Farrugia, Newsbook Webinar

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia sostna li hemm bżonn li t-taħriġ u l-edukazzjoni tal-ħaddiema jibqgħu prijorità wara l-pandemija tal-coronavirus

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, Farrugia spjega li l-pajjiż irnexxielu jmexxi sew is-sitwazzjoni kemm mil-lat ta’ saħħa kif ukoll fejn tidħol l-ekonomija. Spjega li l-fatt li l-pajjiż ma marx għal lockdown assolut kien ifisser li parti mill-ekonomija baqgħet produttiva. Sostna li dan wassal sabiex Malta tidher bħala post sigur għan-negozju.

Farrugia semma kif id-diversifikazzjoni fl-ekonomija u n-negozju fil-pajjiż għenet immensament, iżda l-agħar għadu jrid jiġi fejn jidħol is-settur tat-turiżmu. Sostna iżda li hemm setturi oħrajn li qed jirnexxielhom joħorġu minn dan il-perjodu diffiċli.

Dwar liema setturi għandhom jingħataw aktar attenzjoni wara l-pandemija, Farrugia spjega li hemm bżonn li l-pajjiż jiffoka fuq il-manifattura, il-farmaċewtika, l-automation u industriji ġodda. Semma wkoll bżonn ta’ tisħiħ tas-setturi tal-life science u start ups innovattivi.

Spjega li issa l-pajjiż irid joħroġ minn stat ta’ trażżin għal wieħed ta’ innovazzjoni u investiment imsaħħa b’governanza tajba u kundizzjonijiet ekwi għall-gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn