Filmat: Issir ġustizzja ma’ Indjani sfruttati f’Malta

Kumpanija li kienet qed tħaddem Indjani b’paga miżera f’Malta kellha tħallas id-differenza. Dan huwa wieħed biss minn serje ta’ każi ta’ razziżmu madwar Malta u Għawdex. Fosst l-oħrajn spikka l-każ ta’ ħaddiem mill-Ghana li waqa’ tliet sulari u ġiegħluh jigdeb lil tal-isptar.

“Imġiegħla tibda tħallashom kif suppost”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kumpanija li kienet qed tħaddem Indjani b’€5, kellha tħallas id-differenza u tibda tħallashom kif suppost skont il-liġi.

Waqt il-programm Follow-up fuq RTK 103FM, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella kien semma l-każ ta’  ħaddiema li qed jitħallsu €1 fis-siegħa. Huwa qal li sema’ din l-istorja waqt business breakfast organizzat mill-Partit Laburista u li għalih kien attenda l-Prim Ministru.

Ma’ Newsbook.com.mt Grixti stqarr li hu ġie kkwotat ħażin għax kien qal €5 u mhux €1 fis-siegħa. Fisser li l-każ ġie segwit mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol li bagħat għal min iħaddem. Waqt il-business breakfast, Grixti kien qal ukoll li l-Pulizija kienu infurmati bil-każ.

Minn naħa tiegħu, Josef Vella kien qal li agħar u agħar dawn il-flus ma kinux jingħataw lill-ħaddiema Indjani direttament iżda nbagħtu lill-kumpanija Indjana.

Jaqa’ tliet sulari u jġiegħluh jigdeb

Fil-programm Follow-Up fuq RTK 103FM, Dr Ahmed Bugre, li huwa d-Direttur tal-Fondazzjoni ta’ Xelter u Sapport għall-Immigranti, irrakkonta l-istorja ta’ ħaddiem mill-Ghana li waqa’ tliet sulari waqt li kien qed jaħdem fuq sit ta’ kostruzzjoni f’Buġibba  iżda li l-imgħallem tiegħu sfurzah biex jgħid li tajritu karrozza. Bugre qal li huwa ltaqa’ mal-ħaddiem wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei li mbagħad fetaħ qalbu miegħu u qallu dak li tassew kien ġara. Dan il-ħaddiem mill-Għana rċieva kont ta’ €5,000 mill-isptar u tilef il-post tax-xogħol li kellu.

Aqra: “Waqa’ 3 sulari fuq ix-xogħol; ġegħluh jigdeb li tajritu karozza”

Filmat: Miguela Xuereb