Filmat: Issalvalu ħajtu wara li kien se jifga fil-Parlament

Mara li taħdem fil-Parlament salvat il-ħajja ta’ uffiċjal tal-Pulizija permezz ta’ intervent f’waqtu.

Bernice Abela taħdem bħala usher fil-Parlament, iżda żgur għandha sens qawwi ta’ dedikazzjoni u ta’ responsabbiltà.  Dan meta fis-6 ta’ Diċembru li għadda, hija wettqet ġest altruist li salva ħajjet uffiċjal tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu fil-Parlament stess.

Hija tat l-ewwel għajnuna b’mod immedjat meta l-uffiċjal tal-pulizija kien qed jifga f’xi ħaġa tal-ikel. L-intervent tagħha salvalu ħajtu.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Bernice Abela qalet li għamlet id-dover tagħha bħala first aider. Qalet li l-fatt li rat lill-kollega tagħha sejjer lura d-dar għand il-familja tiegħu kienet l-akbar rebħa għaliha.

Min-naħa tiegħu, l-uffiċjal tal-Pulizija qal li aktar japprezza l-ħajja filwaqt li rringrazzja ta’ dan l-intervent f’waqtu.

Il-Kummissarju tal-Pulizija wkoll irringrazzjaha u ppreżenta lil Bernice Abela b’tifkira tal-okkażjoni.