Filmat: “Issa mhux taqa’ u twaħħlu fina ta” – Evarist Bartolo

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo dalgħodu poġġew l-ewwel ġebla tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke li mistennija titlesta fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
Kien mument ħelu hekk kif il-Prim Ministru u l-Ministru Bartolo bdew jiċċajtaw bejniethom u ma' dawk preżenti waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla. Ħin minnhom, biex jiċċajta u b'ton umoristiku l-Ministru Bartolo nstema' jgħid "issa mhux taqa' u twaħħlu fina".
Qabel iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla, il-Prim Ministru qal li dan il-bini mhux se jservi biss għall-istudenti tal-iskola, imma meta l-iskola tkun magħluqa, il-faċilitajiet se jkunu aċċessibbli għall-komunità u għall-għaqdiet sportivi.  
Żied jgħid li l-isfida għall-awtoritajiet edukattivi llum hi li l-istudenti ma jkollhomx triq riġida huma u javvanzaw fl-istudju, iżda jrid ikollhom għażliet differenti, kemm dawk akkademiċi, vokazzjonali u sportivi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li li l-Ministeru qed jaħdem ukoll biex l-isport ikun rikonoxxut daqs suġġetti akkademiċi.