Filmat: “Issa l-piż tal-immigrazzjoni mhux se jibqa’ biss tal-pajjiżi fil-fruntiera”

Intemmet laqgħa oħra tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li matulha kien hemm preżenti l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Kif kien żvela Newsbook.com.mt fil-ġranet li għaddew, matul din il-laqgħa tal-Kunsill intlaħaq qbil dwar ir-rilokazzjoni ta’ 40,000 immigrant mill-Italja u l-Greċja.
L-Ewropa se taċċetta wkoll 20,000 immigrant minn pajjiżi terzi li ngħataw ir-rikonoxximent ta’ refuġjat.
Saret diskussjoni wkoll dwar in-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Greċja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li fl-Ewropa issa hawn il-kunċett li l-piż tal-immigrazzjoni mhux se jibqa’ biss fuq il-pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera bħal Malta.
Sostna li issa li dan il-kunċett huwa aċċettat meta Malta tispiċċa f’emerġenza bħall-Italja u l-Greċja tkun tista’ tmur b’wiċċha minn quddiem sabiex tingħata l-għajnuna.
Dwar il-Greċja, il-Prim Ministru qal li għadhom għaddejjin il-laqgħat tekniċi bejn il-Gvern Grieg u l-Kummisjoni Ewropea biex jintlaħaq ftehim biex tiġi salvata l-ekonomija Griega.
Jekk jintlaħaq ftehim, dan se jitpoġġa għall-approvazzjoni tal-grupp tal-ewro li se jiltaqa’ għada filgħaxija.
Joseph Muscat qal li kulħadd irid jevita sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm qbil u s-soluzzjoni jkollha tinstab politikament waqt il-Kunsill Ewropew.
Matul il-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron għadda dettalji dwar il-pjan tal-Gvern li jsir referendum dwar il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.
Din il-kwistjoni se terġa’ tiġi diskussa waqt laqgħa oħra tal-Kunsill li se ssir f’Diċembru li ġej.
Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk irringrazja l-Presidenza Ewropea tal-Latvja filwaqt li għadda l-kondoljanzi lill-vittmi tal-attakki terroristiċi li saru fi Franza, it-Tuneżija u l-Kuwajt.

Ritratt / Filmat: Kunsill Ewropew