Filmat: “Issa Abela se jieħu azzjoni fuq Muscat?” – Delia

Irridu naraw li l-ġustizzja sseħħ. 🇲🇹

Dak li ħareġ illum mill-Qorti juri biċ-ċar għalfejn Joseph Muscat bħala Prim Ministru ma kien ħa l-ebda azzjoni u minflok ħalla l-affarijiet għaddejjin u jfixkel li toħroġ il-ġustizzja fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.L-Oppożizzjoni tappoġġja l-ħidma tal-Korp tal-Pulizija biex jagħmlu l-investigazzjonijiet relatati f’armonija, mingħajr biża’ jew intimidazzjoni biex ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, u biex il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.Messaġġ mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. 🇲🇹

Posted by Adrian Delia on Thursday, August 27, 2020

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk wara dak li ħareġ fil-qorti fuq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Prim Ministru Robert Abela huwiex se jieħu azzjoni, inkella jħalli kollox għaddej.

Delia għadda messaġġ fuq Net TV illejla, b’reazzjoni għall-aħħar aħbarijiet mill-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Illum sar il-kontro-eżami tal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Waqt ix-xhieda ta’ Zahra, b’mod partikolari, ħarġu diversi allegazzjonijiet li għamel Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, dwar Joseph Muscat u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff ta’ Muscat, meta dan kien qed jagħti l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija.

Ewlenija fost dawn l-aħbarijiet kienet li Keith Schembri ħeġġeġ lil Fenech biex jgħid lil Melvin Theuma jmexxi bil-pjan tal-assassinju, li Schembri nnifsu ħareġ €80,000 għall-qtil, u li l-eks PM, meta kien għadu fil-kariga, kien jaf u ddiskuta d-delitt wara li sar darbtejn ma’ Yorgen Fenech. Darba minnhom, waqt laqgħa f’Kastilja ma’ Fenech u Schembri, Muscat allegatament staqsa lil Fenech jekk Melvin Theuma hux ta’ min jafdah.

L-eks PM Muscat kiteb fuq Facebook li jiċħad dak kollu li allega dwaru Fenech. Huwa akkuża lil Fenech li qed iċappsu talli Muscat ma rrakkomandax li Fenech jieħu l-maħfra presidenzjali.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li dak li ħareġ fil-qorti juri fiċ-ċar għaliex Muscat ma kien ħa l-ebda azzjoni meta kien PM, u minflok ħalla l-affarijiet għaddejjin u fixkel li toħroġ il-verità u ssir il-ġustizzja fuq l-assassinju. Delia semma “kif Joseph Muscat bħala Prim Ministru baqa’ jgħatti sal-aħħar l-id ix-xellugija tiegħu Keith Schembri. Dan ifisser ukoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien involut f’attentat biex il-ġustizzja f’dan il-każ ma sseħħx.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkundanna l-qrubija li kien hemm bejn Muscat u Fenech, u ssokta jgħid kif Daphne Caruana Galizia nqatlet għax kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni kollha li kienet qed issir. Qatluha biex “jagħlqulha ħalqha,” qal Delia.

Huwa appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu azzjoni u ma jħallix kollox jgħaddi qisu xejn mhu xejn. Staqsa Abela x’se jagħmel b’Muscat bħala Membru Parlamentari u bħala konsulent personali tiegħu. Delia rrefera għall-“patt imxajtan” li kien semma Abela qabel ma sar kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista, u b’hekk tal-Gvern. Huwa staqsa jekk il-patt imxajtan kienx dak bejn Abela u Muscat biex il-ġustizzja tibqa’ ma ssirx.

Delia żied jgħid kelmtejn fuq il-Pulizija u kif l-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Korp u tagħmillu kuraġġ biex ikompli għaddej fl-investigazzjonijiet mingħajr biża’ jew intimidazzjoni.

Abela ma jistax jaħsel idejh quddiem allegazzjonijiet tal-waħx – Repubblika

L-għaqda Repubblika ddeskriviet l-allegazzjonijiet li ħerġin mill-qorti fuq Joseph Muscat u Keith Schembri bħala “tal-waħx.” Insistiet li quddiem allegazzjonijiet bħal dawn, il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jagħmilha ta’ Pilatu u jaħsel idejh.

Repubblika qalet li “donnu hawn elementi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li jridu jipproteġu lil Joseph Muscat u lil Keith Schmebri. Nistgħu inserrħu moħħna li m’hawnx evidenza li qed titħalla tintilef u tisparixxi? Anke hawnhekk, Dr Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbilità tiegħu ta’ Prim Ministru.”