Filmat: Iħalli barra l-assassinju ta’ Daphne fil-mumenti ewlenin tal-Korp fl-2017

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, sostna li sakemm saħħtu tibqa’ tagħtih u jibqa’ jkollu l-fiduċja tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-amministrazzjoni tiegħu, u s-sostenn ta’ familtu, se jibqa’ Kummissarju.
Cutajar kien qed jibgħat l-awgurju lill-pubbliku f’messaġġ b’filmat imtella’ mill-paġna tal-Facebook tal-Korp, meta rrimarka li jħossu sodisfatt li għat-tieni darba konsekuttiva qed ikun hu li jibgħat dan l-awgurju bħala kummissarju.
Fil-filmat jelenka għadd ta’ okkażjonijiet fl-2017 li wrew il-ħidma tal-Pulizija.
Fost l-oħrajn isemmi l-impenn tal-Korp fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-ħidma biex ikun hemm is-sigurtà fl-elezzjoni ġenerali, u rigward investigazzjonijiet fakkar f’waħda mill-akbar qabdiet tad-droga.
Iżda minkejja li semma l-investigazzjoni li wasslet għall-qabda ta’ aktar minn 550kg ta’ droga f’Ottubru li għadda, qabda li seħħet wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kummissarju ma semmiex l-investigazzjonijiet dwar l-istess assassinju bħala wieħed mill-mumenti ewlenin għall-2017.
U dan minkejja li l-Pulizija, bil-għajnuna internazzjonali, irnexxielha taqbad 10 suspettati, bi 3 minnhom jittellgħu l-Qorti b'biżżejjed evidenza biex jgħaddu ġuri.
Fil-filmat itemm jgħid li dak li beda hu se jkompli jsaħħu flimkien mal-membri sħabu.