Filmat: Isalva lill-pulizija li kien għadu kif arrestah

B’kuntrast għall-filmati u ritratti li ħarġu fl-aħħar jiem, fuq l-internet tfaċċa filmat minn Florida, l-Istati Uniti li qed juri faċċata oħra ta’ Pulizija u persuni arrestati.
L-istorja hi ta’ Jamal, żagħżugħ li kien għadu kemm iddaħħal l-għassa fejn il-pulizija kien qed jeħodlu d-dettalji tiegħu hekk kif arrestah.
Fid-daqqa u l-ħin, l-uffiċjal jaqa’ mal-art jagħfas sidru u ż-żagħżugħ ma jaħsibhiex darbtejn…iqum, minkejja li idejh immanettjati wara dahru, jersaq lejn il-pulizija mal-art u jibda jsabbat mal-bieb u jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni.

Skont l-isptar, l-azzjoni f’waqtha taż-żagħżugħ arrestat u tal-pulizija l-oħra fl-għassa għenu biex Franklin Foulks illum għadu ħaj.
Din il-ġimgħa, kemm Jamal kif ukoll l-uffiċjali l-oħra tal-Pulizija se jiġu ppremjati.

Almenu, din id-darba, storja ta’ kriminal u Pulizija kellha tmiem sabiħ.