Filmat: Is-soru Maltija tirrakkonta kif jirnexxilha tħarrab il-ħabsin

Sor Frances Farrugia O.P. ilha għal dawn l-aħħar 33 sena taqdi l-missjoni tagħha fil-Pakistan, minkejja l-persekuzzjoni li jgħaddu minnha l-Insara fosthom hi u sħabha s-sorijiet Dumnikani.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Sor Frances wara laqgħa li l-missjunarji Maltin kellhom mal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
L-istorja ta’ Sor Frances tolqtok għax minkejja l-età tagħha, l-entużjażmu u d-dedikazzjoni tagħha għall-Pakistani għadhom qawwija tant li ħafna drabi tissogra ħajjitha stess biex tgħin lill-Insara, mhux dawk kattoliċi biss, li jbatu l-persekuzzjoni minħabba t-twemmin tagħhom.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sor Frances tirrakonta kif jirnexxielha tħarrab il-ħabsin Insara li jiġu kkundannati għall-ħabs, taħt il-liġi kontroversjali tal-blasfemija, sempliċiment għax huma Insara.
Sor Frances qalet li fi 33 sena rnexxielha tagħmel ħbieb ma’ avukati u Maġistrati li jgħinuha tħarrab lil dawn l-Insara. Mhux l-ewwel darba li attaparsi marret iż-żur ħabsi, tieħu magħha parrokka u nuċċali u jirnexxielha tħarrbu.
Spjegat kif lil dawn teħodhom magħha u taħbihom il-kunvent u filgħaxija hi u sħabha s-sorijiet joħduhom l-istazzjon tal-ferrovija biex iħarrbuhom.
“Inħobbhom. You don’t divorce the person you love”
Sor Frances iddeskrivit l-intolleranza bħala l-akbar problema u l-pjaga tal-Pakistan. Mistoqsija dwar xi jżommha l-Paskistan u għalfejn ma tiġix lura Malta fejn tkun komda u sigura, bi tbissima fuq wiċċha, Sor Francis wieġbet: “Inħobbhom. You don’t divorce the person you love.”
Is-Sorijiet Dumnikani fil-Paskistan, li fosthom hemm tlieta Maltin, jieħdu ħsieb 2 istituti, 4 skejjel u anke klinika. Minkejja l-persekuzzjoni, Sor Frances spjegat li jilqgħu fl-iskola mhux Insara biss imma anke Musulmani. Qalet li jaħdmu kemm jifilħu biex ixerrdu l-valuri Insara, l-aktar dawk tal-imħabba u t-tolleranza, anke fost l-istudenti Musulmani.
L-istorja ta’ Sor Frances ma spiċċatx hawn. Fil-jiem li ġejjin, Sor Francis se tirrakonta x’ġara waqt il-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid ta’ din is-sena u meta daħħlu jkissrulhom il-kunvent.
 
Ritratt u filmat: Ian Noel Pace