Filmat: Is-soru Maltija li tħarrab il-ħabsin

Nisimgħu b’ħafna missjunarji Maltin, l-aktar b’dawk li matul is-sena jorganizzaw maratoni f’Malta biex jiġbru fondi biex ikunu jistgħu jkomplu bil-missjoni tagħhom.
Iżda hemm ħafna aktar missjunarji li dwarhom qatt ma nisimgħu xejn u li jwettqu elf xogħol fil-pajjiżi fejn jinsabu.
Fl-aħħar jiem Newsbook.com.mt tkellem ma’ Sor Francis Farrugia, soru Dumnikana li twettaq missjoni fil-Pakistan. Jekk ikollok tiddeskrivi lil Sor Francis fi ftit kliem, tista’ tgħid biss li ssib irkaptu ta’ kollox.
Biex insemmu ftit minn dawn, Sor Francis, b’użu ta’ parrokka u ‘props’ oħra, tħarrab ħabsin Insara (mhux Kattoliċi biss) li jkunu ngħataw sentenza ta’ priġunerija intortament, ħafna drabi sempliċiment minħabba t-twemmin.
Sor Francis irnexxielha tiskopri x’kien qed iwassal biex f’Lahore, trabi kienu qed jitwieldu bi problemi u b’diżabilità severa. Ma waqfitx biss mal-iskopertà, imma ħarġet ukoll bis-soluzzjoni.
Minkejja l-persekuzzjoni  li l-Insara jgħaddu minnha, Sor Francis ma tħalli qatt il-Pakistan, u ma’ Newsbook.com.mt tgħid għalfejn.
Iżda l-istorja kollha ta’ Sor Francis ngħiduhielek għada waqt il-programm Newsline fuq RTK bejn l-10:00am u l-11:00am. Sor Francis tirrakonta l-esperjenza tagħha fuq Newsbook.com.mt nhar il-Ħadd li ġej filgħodu.

Ritratt u Filmat: Ian Noel Pace