Filmat: Is-Sorijiet f’Ħal Tarxien jitolbu l-għajnuna wara li n-nar qerdilhom il-kunvent

Is-Sorijiet tal-Karità f’Ħal Tarxien bdew ix-xahar ta’ Lulju fuq sieq ħażina hekk kif it-Tnejn filgħaxija nirien kbar ħakmu waħda mis-swali tal-kunvent.
Il-Madre Provinċjala Suor Salvina Bellizzi qalet li n-nar beda minn ħsara li kellu l-air conditioning u li dak il-ħin kien mitfi.  Kienu l-ġirien tas-sorijiet li ndunaw bid-duħħan li ħareġ mit-twieqi u ċemplu għall-għajnuna.
Is-sala tintuża għas-seminars u taħriġ mill-Fondazzjoni Jean Antide, li tgħin il-familji fil-bżonn.
In-nirien qerdu kollox: il-projector li kien għadu ġdid, is-siġġijiet, l-inkwatri, l-elettriku, is-suffett, it-twieqi u l-purtieri fost l-oħrajn.
Malli saret taf bl-inċident, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu marret iżżur is-sorijiet u wiegħdet l-għajnuna tagħha biex is-sala tkun tista’ terġa’ tintuża mill-aktar fis.
Kull min jixtieq jgħin b’mod finanzjarju jista’ jagħti jmur direttament fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karità Santa Giovanna Antide f'152, Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien jew permezz tal-kontijiet bankarji:
Bank of Valletta, isem tal-kont Sisters of Charity – IBAN MT07VALL22013000000040017426323
HSBC bl-isem ta' Sisters of Charity – IBAN MT72MMEB44130000000013075510051