Filmat: Is-solidarjetà tasal b’sagrifiċċju – Il-Prim Ministru fi Brussell

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi Brussell f’Summit li fuq nett tal-aġenda tiegħu għandu l-Greċja u l-immigrazzjoni.
Minkejja li għad hemm tama li tinstab soluzzjoni rigward il-Greċja, il-Prim Ministru qal li sa issa ma jistgħux isiru previżjonijiet.
Huwa insista li s-solidarjetà tasal biss b’sagrifiċċju. Huwa ddeskriva l-Greċja bħala “pazjent marid” li qed jitlob l-għajnuna u saħaq li kulħadd qed jagħmel li jista’ biex il-Greċja tibqa’ fiż-Żona Ewro.
Dr Muscat qal li mhux qed jistenna li tinstab soluzzjoni fi ftit ħin.
Intant, f’taħdita telefonika mal-Prim Ministru Ingliż, David Cameron, Muscat qal mhux lest jaċċetta tibdil fit-trattati tal-Unjoni Ewropea “moħbija”.
Il-PM Ingliż tkellem ma’ Dr Muscat biex jitlob is-sapport ta’ Malta għal tibdiliet li se jipproponi fit-trattat tal-UE.