Filmat: “Is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ xita u kesħa hi tal-biki”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ ma’ Joe Spiteri minn Ta’ Mena Estate f’Għawdex li qal li x-xita li għamlet din il-ġimgħa hi insinifikanti, speċjalment minħabba li warajha nefaħ ħafna riħ li nixxef kollox.
Fisser li x-xita kienet ftit wisq għall-ħtiġijiet ta’ matul is-sena u meta mistoqsi jekk din hix xi ħaġa fil-kontroll biss tal-Ħallieq jew xi ħaġa li għandu responsabbiltà fiha wkoll il-bniedem, Spiteri qal li fl-aħħar 100 sena l-bniedem iċċajta wisq man-natura. Irrefera wkoll għall-bidla li dan kollu qed joħloq fl-eko-sistema b’taħwid taċ-ċiklu naturali.
Spiteri qal li l-agrikoltura llum qed tonqos, bil-konsegwenzi kollha.
Żied li iktar ma pajjiżna qed jara konkrit u inqas siġar, iktar se jkun hemm problemi għas-settur agrikolu.
Enfasizza l-bżonn li l-bniedem jerġa’ lura għal għeruqu qabel ikun tard wisq.
F’kuntest lokali, Joe Spiteri ħeġġeġ biex kulħadd joqgħod attent u jagħraf jagħżel il-prodott Malti minn ħaxix ippakkjat li jiġi minn barra u li jkun fih ħafna preservattivi.