Read in English.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 għadha stabbli u taħt kontroll.
Dan qalu lill-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu.
Il-Prim Ministru għal darb’oħra saħaq li l-pandemija m’għandhiex tiġi politiċizzata, u qal li għadu jemmen li s-sitwazzjoni f’Malta hija taħt kontroll, minkejja l-imwiet li kien hemm bil-virus, li hu qal li jiddispjaċih ferm dwarhom. Iġġustifika, iżda, li l-ebda pajjiż ma rnexxielu jipprevjeni li jmutu n-nies b’dan il-virus.
Sostna li Malta qed tisboq lil pajjiżi oħrajn f’din il-ġlieda, kemm mil-lat mediku fir-rata tal-imxija, kif ukoll fis-sitwazzjoni ekonomika. B’mod ħolistiku, qal il-Prim Ministru, Malta mxiet tajjeb ħafna.
Dalgħodu wkoll, il-PM ħabbar li b’konsultazzjoni mal-professjonisti mediċi, il-Gvern iddeċieda li ma jiftaħx il-bars u l-każini fl-1 ta’ Diċembru kif kien ippjanat, imma li dawn jinżammu magħluqin fil-ġimgħat li ġejjin.
Bħalissa Malta għandha 2,069 każ attiv tal-coronavirus, u mietu b’kollox 125 peruna.
Filmat: Miguela Xuereb