Filmat: Is-sitwazzjoni politika m’għandhiex tkisser it-tama għall-batut – Il-President

Read in English.

Il-President George Vella appella sabiex ma’ dak kollu li ġara u li għaddej fil-pajjiż, ma jeħilx il-marid. Sostna li mhux aċċettabbli li mis-sitwazzjoni politika titkisser ukoll it-tama ta’ għajnuna għal min hu batut.

Dan qalu l-President fl-ewwel messaġġ tiegħu tal-Milied, f’din l-ewwel sena tiegħu tal-Presidenza ta’ Malta. Hu ħass il-bżonn li jindirizza l-aħħar għajtiet li bdew jappellaw sabiex il-pubbliku ma jappoġġjax l-Istrina bħala sinjal ta’ protesta għall-istat kurrenti li spiċċa fih il-pajjiż. Il-President sostna li se jkun qed iserraħ fuq l-għajnuna tal-poplu kollu, b’mod speċjali fis-26 ta’ Diċembru, fl-avveniment annwali tal-Istrina.

“Dan m’hu żmien faċli għal ħadd”

Il-President sostna li ż-żmien li għaddej minnu l-pajjiż m’hu faċli għal ħadd. Spjega kif il-pubbliku diġà jaf kif iħossu dwar dak li qed iseħħ fil-pajjiż u jaf li ħafna jħossuhom bħalu. Qal li minkejja dan kollu, jixtieq li l-pubbliku jżomm quddiem għajnejh il-valuri li jassoċċjaw mal-festa tal-Milied, u japprezza it-tajjeb kollu li għamlu l-Maltin; il-lealtà lejn il-familja, il-bżulija u l-ġenerożità.

“Nixtieq ngħidilkom grazzi”

Il-President Vella rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għas-sostenn li tah matul l-ewwel xhur tal-Presidenza tiegħu, speċjalment fil-mumenti l-aktar diffiċli għalih. Hu rringrazzja lill-poplu wkoll talli jħaddan il-valuri u l-għanijiet li hu ħejja għall-Presidenza: “is-solidarjetà fil-mard, il-ġlieda kontra l-faqar, l-inklużjoni u l-volontarjat.”

Irrimarka li bħala Maltin, l-ewwel ħaġa li tgħaddi minn moħħ ħafna hija l-għożża u l-għaqda tal-familja. Qal li tajjeb ukoll li l-poplu jħares lejn dawk il-membri tal-familja li huma iktar vulnerabbli, u jagħtihom l-attenzjoni kollha li jeħtieġu.

“Inħarsu lejn dak li jgħaqqadna”

Il-President reġa’ appella sabiex il-pubbliku jħares lejn dak li jgħaqqdu u mhux dak li jifirdu. Qal li l-Ispirtu tal-Milied jitlob li titwitta ftit it-tensjoni bejn il-poplu.

Appella sabiex kulħadd idur bil-morda, bl-anzjani u b’min forsi m’għandux il-mezzi li jgawdi daqs membri oħra tal-familja. “Tibqgħux bierda quddiem min jinsab waħdu jew imċaħħad,” qal il-President.

Temm sabiex jistieden lil kulħadd iħares lejn dak li jista’ jagħmel hu stess, fid-djar, fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol, sabiex il-pajjiż jerġa’ jiġi fuq saqajh.

Hu rringrazzja wkoll lill-barranin kollha li qed jgħixu u jaħdmu Malta.