Filmat: Is-sitwazzjoni fl-Italja tista’ ssir bħal Greċja – Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li s-sitwazzjoni fl-Italja tista' ssir kopja bħal dik tal-Greċja jekk il-pjan tal-Gvern il-ġdid ikun jinvolvi biss is-self u l-infieq tal-flus.
Scicluna qal dan mal-midja barranija qabel laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi fi Brussell.
Hu qal li dak li qed jiġri fl-Italja b’rabta mal-Gvern il-ġdid hija “politika mħarrbta” (disruptive politics).
Qal li fl-aħħar mill-aħħar, din se tkun ħaġa tajba għall-Unjoni Ewropea u l-establishment. Dan minħabba l-mistoqsijiet li se jsiru dwar ir-rabja fost in-nies f’xi pajjiżi.
Scicluna qal li issa jiddependi fuq min se jkun “id-disrupter” u jekk ikollux proposti konkreti għar-riforma u t-tkabbir li hemm bżonn.
Mistoqsi dwar jekk l-Italja se tkun qed issir il-Greċja l-ġdida, Scicluna wieġeb, “Issa naraw”.
Scicluna jitlob aktar flessibiltà għall-banek Maltin
Il-Ministri tal-Finanzi Ewropej iltaqgħu fi Brussell għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) u laħqu ftehim fuq Pakkett Bankarju. Il-proposti huma mmirati biex jitnaqsu r-riskji u tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja.
Il-Ministru tal-Finanzi ta’ Malta Edward Scicluna indirizza l-kwistjoni tar-Rekwiżiti Minimi għall-Own Funds u Eligble Liabilities (MREL) u enfasizza l-importanza li l-banek jingħataw ħin biżżejjed biex jimplimentaw dawn ir-regoli, speċjalment minħabba li dawn issa huma aktar stretti. Qal li dan huwa importanti l-aktar għall-banek li joperaw f’ekonomiji żgħar.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi qal li waqt il-laqgħa, Scicluna qal li l-kwistjoni hija relevanti għal ċertu strutturi bankarkji f’Malta. Talab għal aktar flessibilità biex jiġu imposti limiti fuq il-ħin sa wara l-2024.
Il-Kunsill tal-ECOFIN addotta direttivi fuq intermedjarji tat-taxxa bl-għan li jipprevjenu l-aggressive cross-border tax planning.
Intermedjarji tat-taxxa bħal konsulenti tat-taxxa, accountants, u akvukati li jiddiżinjaw jew jippromwovu skemi tal-ippjanar tat-taxxi se jkunu obbligati li jirrappurtaw skemi li potenzjalment ikunu aggressivi. L-istati membri se jkollhom jaqsmu informazzjoni b’mod awtomatiku u jistgħu jimponu multi jekk l-intermedjarji ma jagħmlux dak li jintalbu jagħmlu.
Ritratt u Filmat: EU