Filmat: Is-sitwazzjoni ddettat li nipposponu l-ftuħ tal-iskejjel, mhux l-unjins – Fabri

Read in English.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri ċaħad li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel kien iddettat minn kriżi. Stqarr li s-sitwazzjoni tas-saħħa ddettat li jiġi pospost il-ftuħ tal-iskejjel, mhux il-pressjoni li għamlu l-unjins fuq il-Gvern. Huwa ddeskriva l-preparamenti li għaddejjin bħala l-akbar ħidma li qatt saret fis-sistema edukattiva Maltija.

Dan qalu waqt intervista li saritlu mill-Prof. Andrew Azzopardi dalgħodu fuq 103 Malta’s Heart. L-intervista ffukat fuq il-ftuħ tal-iskejjel tal-Gvern għas-sena skolastika l-ġdida, wara li dawn għalqu kmieni f’Marzu li għadda meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus.

Il-pjanijiet tal-Gvern għall-ftuħ tal-iskejjel ġew ikkritikati mill-unjins tal-edukaturi, il-UPE u l-MUT, li t-tnejn appellaw lill-Gvern biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel jew ma jiftaħhom xejn u t-tagħlim isir online.

Ilbieraħ, il-Gvern ħabbar li minkejja li l-iskejjel kellhom jiftħu nhar it-Tnejn li ġej, issa se jiftħu fil-ġimgħa li tibda fis-7 t’Ottubru. Madankollu, Dr Fabri insista li din id-deċiżjoni ma ttiħditx minħabba l-pressjoni li saret mill-unjins, minkejja li qabel li ried jintlaħaq ftehim fuq din il-kwistjoni.

Huwa spjega li s-sitwazzjoni hija ħafna aktar kumplessa u kkumplikata. Stqarr li hi s-sitwazzjoni tas-saħħa nfisha li qed tiddetta kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fiż-żmien opportun.

It-tħejjijiet

Meta Prof. Azzopardi ppressah, Fabri rrikonoxxa l-perċezzjoni li kien hemm kriżi fl-immaniġġjar, imma insista li dan minħabba li dak li sar ma kienx kollu evidenti.

Is-Segretarju Permanenti spjega li l-preparamenti affettwaw l-oqsma kollha: is-sillabi, l-iskedi, il-mod kif inhuma strutturati l-jiem tal-iskola u saħansitra t-tqassim fiżiku tal-iskejjel. Kull skola u kull klassi kellha tiġi ristrutturata biex taqbel mal-protokolli l-ġodda.

Fabri qal ukoll li hu ordna li jsir assessjar tar-riskji f’kull skola, u dan il-proċess għadu għaddej, għaliex kull skola trid tkun ċertifikata bħala sigura qabel ma titħalla tiftaħ il-bibien tagħha biex tilqa’ l-istudenti.

Hu kkumpara lil Malta ma’ pajjiżi oħra u qal li f’kuntrast, Malta ħadet ħafna prekawzjonijiet, iżżejjed f’xi każijiet.

Dwar l-għalliema vulnerabbli

Mistoqsi fuq għalliema li jiġu kkunsidrati bħala vulnerabbli għall-Covid-19, Fabri qal li ħasbu għalihom ukoll. Dawk li jitqiesu vulnerabbli jistgħu jgħallmu mid-dar jew minn xi post sigur.

Huwa spjega li qed jiġu preparati lezzjonijiet li jistgħu jiġu aċċessati online għall-benefiċċju ta’ studenti li jaf tilfuhom.

It-tfal ma jistgħux jitħallew waħedhom fi klassi jekk l-għalliema tkun qed tgħallem mid-dar, imma Fabri assigura lill-intervistatur li hemm aktar għalliema milli hemm bżonn. Edukaturi li jkunu jridu jkopru aktar sigħat milli jispeċifika l-ftehim kollettiv jistgħu jagħmlu dan bi ħlas ukoll.