Filmat: Is-Sindku ta’ ma’ Salvini tgħid li f’Malta m’hawnx immigranti

 

Is-Sindku ta’ Cascina fil-Provinċja ta’ Piża, Susanna Ceccardi qalet li f’Malta m’hawnx immigranti u refuġjati, b’referenza espliċità għall-persuni ta’ karanaġjon skura.

Ceccardi hi kandidata tal-partit tal-Lega Nord, l-istess partit tal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini. Hi kienet l-unika sindku mil-lemin estrem li qatt tela’ fil-fortizza tax-xellug. Hi għandha 31 sena u kienet hawn Malta biex titgħallem l-Ingliż.

Fil-filmat li rrekordjat minn Pjazza Kastilja, is-Sindku kompliet tgħid li permezz tat-tisbit tas-saqajn kemm fl-Ewropa u f’Ruma mill-Gvern Taljan, l-immigranti mhux se jidħlu fl-Italja u saħqet li l-kwistjoni tal-ażil kellha tissolva mill-amministrazzjonijiet preċendenti.

Hi saħqet li n-nies f’Malta qalulha li f’Malta m’hawnx immigranti.

Ceccardi magħrufa li ħarġet kontra l-persuni omosesswali u kontra l-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess. Hi ħarġet ukoll kontra l-feministi, il-musulmani u l-immigranti ġejjin mill-Afrika.

Hi kienet darba qalet li diska tant popolari Imagine ta’ Lennon hi diska tal-komunisti.

Hi allegat li gvernijiet immexxiha minn Letta, Renzi u Gentiloni ma għamlu xejn biex iwaqqfu l-immigrazzjoni. Ceccardi ħarġet ukoll kontra l-inizjattiva biex it-taxxa tat-Taljani tintuża biex tgħin ir-refuġjati li jiġu salvati mill-Forzi Armati Taljani.

F’Malta hawn jaħdmu madwar 7,778 Taljan skont tweġiba li kienet ingħatat fil-Parlament.